Ekonomija Lokali

Ammissjoni li l-COLA ma’ kienitx biżżejjed għaż-żieda fil-prezz tal-ħobż u l-ħalib

Ammissjoni li ż-żieda ta’ €3.49 għall-għoli tal-ħajja fl-aħħar budget ma kienitx biżżejjed biex tilqa’ għaż-żidiet fil-prezz ta’ diversi oġġetti essenzjali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar bonus ta’ darba għall-familji, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li din l-għotja ta’ darba qed issir minħabba li ż-żidiet ta’ ċertu prodotti ma’ kienux riflessi fil-COLA.

Meta indirizza lill-media, il-Ministru ma qalx liema huma l-prodotti li għolew u li ma kienux riflessi fil-COLA. U kien biss wara li kien mistoqsi ripetutament mill-ġurnalisti li Edward Scicluna qal li ż-żidiet imsemmija kienu żidiet qawwi fil-prezz tal-ħobż u l-halib.

Il-Ministru tal-Finanzi qal li dawn iż-żidiet ma nqabdux f’Settembru li għadda, iż-żmien meta tagħlaq is-sena u jiġi kkalkolat iż-żieda għall-għoli tal-ħajja li se tingħata fil-Budget li jmiss.

Iżda meta wieħed iħares lura, il-prezzijiet tal-ħalib u tal-ħobż kienu għolew fis-Sajf; ferm qabel l-aħħar ta’ Settembru. Fil-fatt, iż-żieda fil-prezz tal-ħalib tħabbret fit-23 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet daħlet fis-seħħ ftit jiem wara, fid-29 ta’ Lulju b’żieda ta’ bejn 10 u 11ċ għal kartuna ħalib ta’ litru.  Dan minbarra sensiela ta’ żidiet ta’ prodotti oħra magħmula mill-ħalib li daħlu fis-seħħ iktar kmieni matul is-sena li għaddiet.

Iż-żieda fil-prezz tal-ħobż seħħet saħansitra qabel iż-żieda fil-prezz tal-ħalib. Fil-fatt, kien fl-20 ta’ Ġunju meta kienet ikkonfermata l-aħbar li l-prezz tal-ħobż kien se jiżdied bejn 25 u 30 ċenteżmu.

Dan ifisser li fir-realta’, kien hemm biżżejjed żmien biex dawn iż-żidiet ikunu ikkalkolati fil-mekkaniżmu tal-COLA, iżda dan ma sarx.

Issa il-Gvern se jibda jibgħat ċekk ta’ darba ta’ €15 għal persuna waħedha u €35 għal familja. Iċ-ċekk se jintbagħat f’isem il-persuna li mniżżla fil-kont tal-ARMS.