Budget 2020 Għawdex Lokali Parlament

“Familja f’Għawdex taqla’ €6000 anqas minn familja f’Malta u l-Gvern ċass”

Skemi mħaddma mill-Gvern għall-ħaddiema Għawdxin bil-paga minima

“Il-Gvern ċass quddiem statistika xokkanti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-ħaddiem u l-familja li taħdem u tgħix f’Għawdex, li b’kawża ta’ dan qed jinbidel it-tessut tas-soċjetà Għawdxija!” Stqarrija skjetta tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex, Chris Said, waqt id-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz li jaddotta l-liġi tal-estimi finanzjarji.

Id-deputat Nazzjonalista kien qiegħed iwieġeb għall-istatistika tal-istess Uffiċċju li tgħid kif id-dħul medju ta’ familja f’Għawdex hija ta’ €6000 anqas minn dik f’Malta filwaqt li l-paga medja għal ħaddiem f’Għawdex hija €3300 anqas dak f’Malta. L-iskemi li l-Ministeru għal Għawdex ħaddem b’reazzjoni għal dan kienu ta’ xogħlijiet fil-komunità jew impjiegi mal-kuntratturi li jagħtu servizz lill-istess ministeru bil-ħaddiema jaqilgħu l-paga minima.

Għalhekk, Chris Said kif huwa ovvju li r-raġuni prinċipali għala l-ġenerazzjoni żagħżugħa naqqset f’Għawdex hija l-paga u għalhekk qed jiffurmaw il-familji tagħhom f’Malta billi jixtru l-ewwel residenza hemm. Dan wassal biex il-kirjiet f’Għawdex baqgħu baxxi relattivament ma’ Malta u għexieren, jekk mhux eluf, ta’ nies qed jirrilokaw f’Għawdex bil-konsegwenza li qed jikkawżaw bidla fit-tessut tas-soċjetà Għawdxija.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni fakkar fi żminijiet meta l-Għawdxin kienu jiftaħru li jħallu ċ-ċavetta fil-bieb mingħajr il-biża’ li jidħollhom xi ħadd u issa r-residenti f’Marsalforn fost l-oħrajn qas jistgħu jgħixu b’rashom mistrieħa. Quddiem l-istatistika ta’ 16% żieda fil-kriminalità f’Għawdex fl-2019, il-Gvern qajla qiegħed iħabbel rasu hekk kif prattikament, kważi l-Għases kollha f’Għawdex huma magħluqin, hemm 40 Pulizija anqas minn dak li jitlob is-servizz f’din il-gżira filwaqt li lanqas hemm maġġur assenjat fid-distrett Għawdxi.

Chris Said fakkar kif l-eks Prim Ministru, Joseph Muscat fetaħ b’tant pompa r-rinovazzjoni l-Innovation Hub fl-impjant il-qadim tal-ħalib fix-Xewkija, li kellha tospita fiha bosta kumpaniji tal-IT. Minflok, il-Gvern għadu kif ħabbar li se tispiċċa f’back office għall-operat tiegħu.

Dwar l-infrastruttura f’Għawdex, id-deputat Nazzjonalista skanta kif għat-twessiegħ tat-triq ta’ Marsalforn, se jkun iffinanzjat biss bi 2% ta’ fondi Ewropej meta miljuni kbar intefqu fit-toroq f’Malta minn dawn il-fondi, u fuq it-toroq f’Għawdex ftit li xejn għax ma ddaħħlux l-applikazzjonijiet għall-fondi.

Bħalma l-Mużew u l-Pixxina f’Għawdex tħallew f’ħofra, Chris Said ilmenta kif ir-raħal tan-Nadur ilu sena u nofs maqtugħ kompletament mill-Port tal-Imġarr għaliex it-triq tħaffret mingħajr tender, l-istudji u t-testijiet ġeoloġiċi fuqha. L-istess ir-Rabtin għax ilhom bi Pjazza San Franġisk magħluqa għal sena bl-iskuża tal-paviment u baqalha sas-sajf li ġej.

Fil-qasam tas-saħħa, il-pazjenti jilmentaw kif is-servizz tal-unika sptar f’Għawdex, li ġie pprivatizzat minn Konrad Mizzi għal €1, sejjer lura ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Mhux talli pacemaker li kienet issir Għawdex issa ssir Mater Dei, talli x-xufier tat-trasport provdut mill-Isptar Steward t’Għawdex, biex l-Għawdxin imorru għall-appuntament fl-Outpatients, qed jieħu r-ritratti ta’ min kapaċi jimxi biex id-darba li jmiss, ma jitilgħux. Dawn il-pazjenti issa jkollhom iħallsu għal trasport privat jew jitilgħu ma’ xi membru tal-familja li jkollu jieħu ġurnata leave. Chris Said jittama li bil-kawża li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, u l-pubblikazzjoni imminenti tar-rapport tal-Awditur Ġenerali, iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma dwar dan il-ftehim jinten, li għaliha qed tbati saħħet il-poplu Għawdxi.

Il-wegħdi fiergħa f’Għawdex ma naqsux ukoll fil-qasam edukattiv, hekk kif ħarġu kemm jeżistu tenders f’dawn l-aħħar 7 snin għall-Iskola Primarja tar-Rabat. Is-sit għaliha inbidel kemm-il darba sakemm issa ntgħażel il-grawnd tal-Iskola Sekondarja u magħha il-parkeġġ pubblika biswita mingħajr ebda ħjiel ta’ parkeġġ alternattiv.

Id-deputat Nazzjonalista elenka ukoll kif l-anzjani f’Għawdex ġew minsija mil-Labour hekk kif wegħda elettorali tal-Partit Laburista fl-2013 għal Dar tal-Anzjani f’Casa San Giuseppe, f’Għajnsielem, għadha ġebel u saqaf bit-tender għat-tlestija tal-post għad baqalu joħroġ. Hawn ukoll il-parkeġġ intnesa kompletament hekk kif min ippjana l-proġett, lanqas ħaseb għal parkeġġ wieħed fl-iktar triq traffikuża f’Għawdex.

Chris Said staqsa ukoll x’sar minnu l-fast ferry mill-Imġarr sal-Belt, hekk kif wegħda oħra tal-Lejber għadha fuq l-ixkaffa, bħalma tħalliet fuq l-ixkaffa s-suppost tnedija tas-servizz tal-helikoptet minn Konrad Mizzi u Justyne Caruana. Huwa lmenta kif l-Għawdxin baqgħu jiġu ttrattati bħala ċittadini tat-tieni klassi, b’rabta mar-raba’ vapur fil-flotta tal-Gozo Channel, li nġieb mill-Greċja kollu sadid u mhux aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. Elenka kif dawn il-passiġġieri li jistennew għall-vapur jintalbu jistennew il-vapur ta’ warajh minħabba n-nuqqas t’aċċessibbiltà, fosthom lift.

Fil-bidu tal-intervent tiegħu, id-deputat Nazzjonalista fakkar lill-Ministru l-ġdid għal Għawdex, Clint Camilleri, li l-Ministru preċedenti ħalliet għal 3 snin sħaħ fuq l-ixkaffa l-abbozz dwar it-twaqqif għall-kumitat parlamentari dwar Għawdex, li saħanistra kienet ukoll fuq il-programm eletorrali tal-Partit Laburista fl-2017. 3 xhur ilu Justyne Caruana ressqet mozzjoni b’kumbinazzjoni iżda din għadha qas tressqet.