Raġel ta’ 59 sena residenti x-Xewkija, Għawdex, sofra ġrieħi serji f’inċident li seħħ f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq San Blas, in-Nadur.
Ilbieraħ, għall-ħabta tas-12.50pm, il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li raġel kien iddaħħal għall-kura fl-Isptar, wara li waqa’ min xi għoli f’sit ta’ kostruzzjoni. Ir-raġel twassal l-isptar b’vettura privata.
Mill-investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija rriżulta li fil-ħin tal-inċident, ir-raġel seta’ kien nieżel sellum, waqa’ u ħabat rasu ma’ ħajt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech li ħatret inkjesta, mgħejjuna minn esperti maħtura minnha.
L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident, li qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett, għadhom għaddejjin.
//= $special ?>