Budget 2020 Lokali Parlament

Ħafna kliem fieragħ mill-Gvern u ma sar xejn fir-Riforma Kostituzzjonali

L-Oppożizzjoni tesiġi u tisħaq li ż-żewġ partijiet jaslu flimkien b'serjetà fuq l-emendi kollha

Minkejja li l-Gvern poġġa r-riforma kostituzzjonali bħala prijorità assoluta f’din il-leġiżlatura, 3 snin wara l-wegħdi u l-kliem fieragħ ma sar assolutament xejn hekk kif fis-sustanza tad-diskussjoni ma kien hemm xejn.

Dan saħqu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, Chris Said, waqt id-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz li jaddotta l-liġi tal-estimi finanzjarji.

Saħansitra, fost ħafna wegħdi ta’ emendi, l-ebda proposta mill-Kummissjoni Venezja ma ġiet attwatha mill-Gvern għaliex ma waslu qatt fuq il-mejda tal-Kamra.

Id-deputat Nazzjonalista elenka kif il-kumitat ta’ treġija dwar ir-Riforma Kostituzzjonali, ippreseduta mill-President tar-Repubblika, qed imur fuq ommu għaliex m’hemmx il-volja tal-Gvern biex jissikutaw id-diskussjonijiet. Minflok il-Gvern qiegħed iżerżaq l-emendi ftit ftit bil-pezzi bukkuni fil-Parlament u jippretendi li l-Oppożizzjoni ttih il-barka tiegħu.

Hawn, Chris Said esġija lill-Gvern sabiex jieħdu r-riforma b’serjetà u b’pakkett ħolistiku flimkien jaslu għall-qbil fuq l-emendi kollha. B’hekk il-Gvern juri li l-istituzzjonijiet qegħdin hemm għas-servizz għaċ-ċittadini kollha mhux għall-għanijiet partiġjani tiegħu u għalhekk il-ħtieġa biex dawn jissaħħew.