Lokali

Il-ħaddiema Maltin jaqilgħu inqas u qed jaħdmu iktar – SĦPN

Ritratt: Arkivji (Martin Agius)

Statistika ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropeja turi biċ-ċar li dak li qed jaqilgħu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’paga llum u 5% inqas minn dak li kienu jaqilgħu fis-sena 2009 meta mqabbel mal-ġid kollu li jipproduċi l-pajjiż. Jiġifieri fi kliem sempliċi, b’figuri iswed fuq l-abjad, il-ġid ta’ pajjiżna mhux jitqassam b’mod ġust.

Is-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) tesprimi d-diżappunt tagħha kif il-Partit Laburista, suppost tal-ħaddiema, ġie jaqa’ u jqum mill-isforzi tal-ħaddiema Maltin sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber u tissaħħaħ. Din l-istatistika maħruġa mill-Unjoni Ewropea u mhux minn xi entità jew partit Malti, turi li s-saħħa tal-pagi naqsu drastikament u l-ħaddiema Maltin kienu aħjar 10 snin ilu, meta konna għaddejjin mill-agħar riċessjoni li qatt rat id-dinja. 

Skont l-istqarrija, dan kollu juri li hawn min qed jibla’ ħafna u min qed jieħu l-loqom. 

L-SĦPN tistaqsi kif f’dan is-suppost suċċess ekonomiku li għaddejjin minnu bħalissa l-ħaddiema qed jaqilgħu inqas u dan hu kollu kkonfermat mill-mijiet ta’ impjegati kemm mal-privat kif ukoll maċ-ċivil li niltaqgħu magħhom. Huwa fatt magħruf li sabiex ikollhom dħul diċenti ħafna jistennew li jkollhom overtime jew jagħmlu xogħol part-time. Il-bqija jiddeskrivu bħala xotta u mhux biż-żejjed jekk fl-aħħar tax-xahar jirċievu biss il-paga bażika. 

Huwa fatt magħruf ukoll li l-eluf kbar ta’ ħaddiema barranin importati f’pajjiżna mill-Gvern Laburista għen sabiex il-pagi ma jogħlewx u jibqgħu f’livelli mill-iktar medjokri u baxxi f’dawn l-aħħar snin u dawn affettwaw b’mod negattiv id-dħul tal-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni u tas-servizzi.

Ta’ min ifakkar li numru kbir ta’ dawn il-ħaddiema barranin huma sfruttati u jsostnu li ħallsu sa €5,000 sabiex inġiebu jaħdmu Malta bil-wiegħda li se jkollhom impieg diċenti. Minflok għarralhom għax il-paga li qed jirċievu hija ta’ mhux iktar minn €4.30 fis-siegħa. Mhux ta’ b’xejn li l-pagi tal-Maltin ma jiżdiedux. 

L-SĦPN tikkundanna l-politika tal-Gvern Laburista li jisfrutta lill-ħaddiema barranin u jinġiebu Malta sabiex “jaqsmu daharhom” bl-intenzjoni li l-pagi tal-Maltin jibqgħu f’livell baxx u l-ġid li qed jinħoloq jibilgħuh il-ftit ħbieb ta’ madwar Kastilja.