Ewropa Internazzjonali Lokali

Il-liġi dwar is-sigurtà tal-fruntieri ta’ Roberta Metsola ġiet approvata b’maġġoranza kbira

Ir-Rapport tal-Membru tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li jdaħħal liġi tal-UE biex tinħoloq sistema Ewropea ġdida dwar “Dokumenti Foloz u Awtentiċi (FADO)” illum ġie approvat mill-plenarja tal-Parlament Ewropew b’maġġoranza enormi, u allura għadda mill-aħħar ostaklu biex din is-sistema issir parti minn liġi Ewropea.

Il-votazzjoni finali saret wara xhur ta’ negozjati mmexxija mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista, bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u l-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN u r-Rapporteur tal-Parlament dwar din il-liġi l-ġdida, qalet li “Iċ-ċittadini għandhom dritt għas-sigurtà. Is-sistema l-ġdida li nħolqot, tgħin lill-Istati Membri tal-UE jaqsmu bejniethom b’mod rapidu kopji ta’ dokumenti ġenwini, foloz u falsifikati, u dan huwa essenzjali għall-ġlieda kontra l-kriminalità.”

“L-użu b’qerq ta’ dokumenti madwar l-Ewropa żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u huwa essenzjali li dan il-fenomenu jiġi ndirizzat. Il-metodi użati mill-kriminali qed jinbidlu u għandna bżonn nibqgħu dejjem pass wieħed quddiem il-kriminali.” kompliet tgħid Roberta Mesola.

Din il-liġi hija importanti ħafna għal Stati bħal Malta. Hija tiżgura l-ħarsien aħjar tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, tissalvagwardja l-moviment liberu tan-nies fiż-żona Schengen u tiffaċilita l-moviment tan-nies bejn il-fruntieri li jġorru dokumenti validi għall-ivvjaġġar, l-identità u r-residenza.

Dan se jgħin lill-awtoritajiet jindunaw b’dokumenti foloz u din il-liġi tagħti lill-awtoritajiet għodda li għandhom bżonn, u li qegħdin jitolbu biex jagħmlu xogħolhom tajjeb.

Wieħed mill-aspetti kruċjali hu li din il-liġi se tipproteġi wkoll id-drittijiet ta’ nies li l-identità tagħhom qed tintuża minn netwerks kriminali – anke mingħajr l-għarfien ta’ dawn in-nies innoċenti.

Din il-liġi tiffinalizza r-riforma tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Roberta Metsola kienet ukoll ir-Rapporteur tal-Parlament dwar din il-liġi li rat il-bidu tal-introduzzjoni ta’ 10,000 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta ġodda li se jkollhom is-setgħa li jiġġieldu l-kriminalità transkonfinali u jittrattaw ma’ individwi li ma jkunux eliġibbli li jidħlu fil-fruntieri tal-UE.