Lokali

Il-UĦM tqajjem il-kwistjoni tat-trasparenza fil-kuntratti pubbliċi mal-PM

L-operat tal-MCESD, il-ħatriet fil-ġudikatura, it-trasparenza fil-kuntratti pubbliċi u l-inugwaljanzi fil-pagi kienu fost is-suġġetti li tqajjmu mill-UĦM Voice of the Workers f’laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja.

Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella qal li l-union ma tistax ma tinnotax u tirreaġixxi għall-avvenimenti ta’ dawn l-aħħar xhur. Josef Vella tkellem dwar il-ħatriet fil-ġudikatura fejn tenna s-suġġeriment tal-UĦM li jkun hemm taħriġ għal ġudikanti li qed jaspiraw għall-kariga.

Qal ukoll li jeħtieġ distinzjoni iktar sħiħa bejn Aġenziji tal-Gvern u l-Entitajiet Regolatorji. Josef Vella qal li filwaqt li tal-ewwel huma parti mill-Eżekuttiv, ir-Regolaturi għandhom iwieġbu għal Kumitati fil-Parlament.

Dwar il-kuntratti pubbliċi, Josef Vella qal li jeħtieġ azzjoni dwar id-dewmien fl-investigazzjonijiet bħall-kuntratt tal-isptarijiet pubbliċi mal-Vitals. Issuġġerixxa li l-Awditur Ġenerali ikun mgħarraf qabel il-Gvern jikkommetti ruħu għal kuntratt pubbliku.

Josef Vella tkellem ukoll dwar il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol. Qal li filwaqt li kulħadd jaqbel ma’ dan il-prinċipju, din ir-realta’ għadha tippersisti; anki f’entitajiet pubbliċi.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jitħabbar mekkaniżmu dwar il-ħatriet fil-ġudikatura li jkun fil-linja tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Dwar il-kuntratti pubbliċi, Robert Abela qal li mhux il-funzjoni tal-Awditur Ġenerali li jifli l-kuntratti qabel jiġu aġġudikati. Hu qal li l-kuntratti pubbliċi se jingħataw taħt trasparenza sħiħa u li jħarsu l-interess tal-poplu; kemm bħala valur għall-flus kif ukoll bħala servizz.