Lokali

Jinstab biss in-numru ta’ Chris Cardona f’wieħed mill-mobiles tal-kompliċi fl-assassinju

F’wieħed mill-ħafna mobiles li nstabu fil-baħar fil-Marsa mill-investigaturi dakinhar tal-arresti marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, instabissejvjat numru wieħed biss – in-numru tal-eks Ministru Chris Cardona, li sal-lum għadu Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.

Dan hu isem ieħor viċin ħafna tal-Gvern, li huwa fost il-hafna ismijiet li b’mod regolari komplew jissemmgħu fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-imprenditur Yorgen Fenech; l-allegat komplici fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-fatt, b’risposta għall-mistoqsija tal-avukat Jason Azzopardi, Melvin Theuma qal li n-numru ta’ Chris Cardona kien f’wiehed mill-mobiles li instabu fil-baħar taht it-tinda tal-patata….xi ħaġa li, skont kummenti li Cardona ta lit-Times, qatt ma kien mistoqsi dwarha mill-Pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello komplew jinstemgħu dawn il-famużi recordings li kien ħa Melvin Theuma. Għalkemm is-sound tar-recordings f’xi waqtiet ma kienx ċar ħafna, evidenti li f’uħud minnhom jissemma’ “ix-xiħ”, b’referenza għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Ripetutament, jissemma’ wkoll l-isem tal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Minn dawn ir-recordings ħareġ li Keith Schembri kien imbeżża’ dwar l-andament tal-każ u li kieku kien jaf li kollox se jikkomplika ruħu, Yorgen Fenech ma kienx jagħżel li jkun parti minn dan il-pjan.

Fil-Qorti, il-middleman saħaq li Yorgen Fenech kien spiss isemmi lil Keith Schembri, Chris Cardona u Owen Bonnici bħala kuntatti li kellu li setgħu joħorġu l-bail ghall-ahwa Degiorgio.

Fir-recordings Fenech qal lil Theuma li l-Ministru Bonnici ma riedx jaf bil-bail…. iżda Joseph Muscat kien se jgħin ġaladarba jkun 100% ċert li mhux se jinqabad.

Melvin Theuma kkonferma li ċertu Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ta’ Yorgen Fenech, kien jaf dwar il-pjan tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Cremona li huwa wkoll ħabib kbir ta’ Theuma kien sar jaf b’kollox wara li kien sar l-assassinju.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-kaz qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, assistiti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Fenech qed jidhru l-avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran.

Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.Il-kumpilazzjoni se tkompli fl-20 ta’ Frar fl-10am.

Melvin Theuma