Lokali

L-MEA tipproponi Parlament imċekken u pagi aħjar għall-MPs

Qed jikber is-sens ta’ sfiduċja fl-istituzzjonijiet. Il-politiċi qed jitqiesu ħallelin jew inkompetenti. Il-komunità tan-negozju qed tkun perċepita bħala korrotta. Is-sistema ġudizzjarja qed titqies bħala selettiva u mmanipulata. In-nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet qed tnaqqar ukoll mill-valuri tagħna, u ħafna saru jaħsbu li ma tistax tavvanza fil-ħajja jekk tkun onest.

Hekk qalet l-Assoċċjazzjoni ta’ min iħaddem, l-MEA, meta dalgħodu ppreżentat proposti lill-Gvern dwar riformi Parlamentari intiżi biex jerġgħu iġibu fil-pajjiż sens ta’ normalità u biex ikun żgurat li pajjiżna ma jerġax isib ruħu f’sitwazzjonijiet simili għal dawk li għandna fil-preżent.

L-MEA qed tipproponi Parlament imnaqqas b’45 membru, u b’massimu ta’ 8 Ministri. Il-Membri jkunu mħallsa €55,000 fis-sena, is-Segretarji Parlamentari €65,000 u l-Ministri €85,000, filwaqt li l-Prim Ministru jkollu paga ta’ €110,000 fis-sena.

L-MEA saħqet li l-ebda Membru Parlamentari ma jkun jista’ jokkupa pożizzjoni f’entitajiet governattivi jew ikollu xi interess f’kumpaniji fis-settur privat.

Dwar positions of trust, l-Assoċjazzjoni qed tipproponi li ma jkunx hemm aktar minn tlett karigi ta’ dan it-tip f’kull ministeru, u li l-kuntratti tagħhom ikunu pubbliċi.

L-MEA titkellem ukoll dwar l-iffinanzjar tal-Partiti u tgħid li għandu jkun hemm tranżizzjoni biex il-Partit politici jkunu parti ffinanzjati mill-istat, u sabiex donazzjonijiet minn entitatjiet privati u ġbir ta’ flus bieb bieb ikunu projbiti għal kollox.