Lokali

SKANDLU FIL-KORP: 40 arrestati, 25 sospiżi, 4 riżenji

L-iskandlu li damdam lill-Korp tal-Pulizija qed ikompli jikber.

Minbarra stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, inkixfu wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, xibka ta’ hbiberiji, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

Issa, l-arresti telgħu għal 40, filwaqt li t-total ta’ uffiċjali li ġew sospiżi u ngħataw police bail huwa ta’ 25. Sa issa 4 uffiċjali minn din it-taqsima offrew ir-riżenja tagħhom, liema riżenji ġew kollha aċċettati.

Il-persuna li esponiet din il-korruzzjoni fil-korp tal-Pulizija stqarret li uffiċjali ġabru “flus ta’ protezzjoni” mingħand kumpanijji tal-kostruzzjoni u oħrajn tat-trasport biex jagħlqu għajnejhom għal kontravvenzjonijiet tat-traffiku u ksur ieħor tal-liġi.

Mill-inqas 37 membru mill-fergħa tat-Traffiku fl-aħħar ħinijiet ġew arrestati bħala parti minn investigazzjoni dwar dak li l-pulizija s’issa ssostni li huwa abbuż fl-overtime.

Il-whistleblower żvela li diversi membri tal-korp kienu qed jiġbru flus u rigali mill-kumpaniji, fi prattika li kienet ilha għaddejja għal numru ta’ snin. Il-flus kienu jidħlu f’kont bankarju amministrat minn uffiċjal tal-pulizija partikolari u wara dan kien iħallas lill-bqija.

Huma kienu qed jirċievu pagamenti żejda fuq diversi proġetti fit-toroq u huwa mifhum li l-uffiċjali mill-fergħa tat-traffiku tħallsu eluf f’pagamenti ta’ dazju żejjed bħala parti minn xogħolijiet ta’ Infrastructure Malta.

Jidher li din l-iskema kienet tinvolvi wkoll uffiċjali ta’ grad għoli.

L-investigazzjoni wriet ukoll li l-biċċa l-kbira tal-muturi użati mill-pulizija kellhom l-apparat tli seta juri l-pożizzjoni tagħhom fuq il-mappa ta’ Malta imneħħi jew bil-ħsara, u dan għamilha impossibbli li wieħed jindika fejn kienu qed ikunu.

Madankollu, jidher li dan ma kienx l-uniku abbuż imwettaq minn uffiċjali fil-fergħa tat-traffiku u l-investigazzjoni mistennija tiftah xibka usa ta’ kriminalità fl-istess korp.

Jidher ukoll li wħud minn dawn kellhom aċċess għas-sistema tal-multi u ċitazzjonijiet fil-LESA, kienu jidħlu fiha u jissospendu l-ħlas dovut.

F’xi każijiet, l-uffiċjali kienu jirċievu ħlasijiet għal  xogħlijiet privati waqt li jiskartaw mix-xogħol.

Is-Supretendent Walter Spiteri rriżenja mill-irwol tiegħu fit-taqsima tat-traffiku hekk kif qed ikun investigat fuq frodi suspettati fl-overtime.

Pulizija minn diviżjonijiet oħra, membri tal-LESA u ta’ Transport Malta ġew imsejħa biex jimlew post l-uffiċjali arrestati.

Minkejja dan kollu, l-eks Ministru Michael Farrugia baqa’ sieket u l-ebda uffiċjal tal-pulizija ma tressaq quddiem il-qorti filwaqt li l-invetigazzjonijiet għadhom għaddejin.

Jumejn ilu, il-media bdiet tesponi dettalji dwar investigazzjoni li kienet għaddejja fuq għadd kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kineu involuti f’racket sħiħ li sewa’ l-eluf ta’ ewro lill-Korp. Stejjer ta’ abbuż, theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

Dan tal-aħħar jiem huwa wieħed mill-agħar skandli li qatt laqgħet il-Korp tal-Pulizija, u qed ikomplu jdgħajjef Korp li kien diġà taħt kritika qawwija meta l-Kummissarju li kien imexxih sa ftit tal-ġimgħat ilu, Lawrence Cutajar, kellu fuqu akkużi mill-Oppożizzjoni u mis-soċjetà ċivili li kien jitmexxa mill-Gvern skont il-bżonn.