Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Darren Borg

“Għandna dejjem ikollna l-fidi fl-imħabba t’Alla, anki meta nistgħux nifhmu d-direzzjoni li din teħodna”.

Kliem Patri Emmanuel Abela, iċ-ċelebrant ewlieni lil mijiet ta’ persuni li ġew fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġwann biex jagħtu l-aħħar tislima lil Darren Borg, iż-żagħżugħ li l-Ħadd li għadda tilef ħajtu traġikament meta waqa’ mill-irdum tal-Imtaħleb waqt li kien qed jistad. Hu kellu 29 sena.

Hu qal li l-fidi hi dik il-ħaġa li twassalna biex nifhmu u jkollna s-sabar f’sitwazzjonijiet bħal dawn meta persuna tħallina għal għarrieda u qasir il-għomor.

Fakkar li kwalita’ ewlenija ta’ Darren kienet il-maħfra; kien dejjem minn tal-ewwel biex joħroġ l-id tal-ħbiberija, anki ma’ min ikun naqsu.

Din hi xi ħaġa li kulħadd għandu bżonn, speċjalment fis-soċjeta’ li qed ngħixu fiha llum.

Kien il-Ħadd filgħodu li ġriet l-aħbar li ħasdet lill-komunita’ ta’ San Ġwann u l-bqija tal-pajjiż hekk kif sar magħruf li żagħżugħ tilef ħajtu f’inċident mill-iktar traġiku.

Li Darren kien maħbub u se jibqa’ jgħix fil-qalb ta’ ħafna nies deher fiċ-ċar f’dawn l-aħħar jiem, kemm mill-messaġġi ta’ sogħba  fuq il-media soċjali kif ukoll il-mijiet ta’ persuni li attendew għall-aħħar tislima tiegħu fil-Knisja Parrokkjali Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann.