Qalb il-kaos kollu li għaddej minnu l-Korp tal-Pulizija f’dawn il-ġranet, kien hemm żviluppi fl-istess Korp li forsi ftit ġew innutati u li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-allegazzjonijiet serjissimi ta’ abbuż fis-Sezzjoni tat-Traffiku.
Sinifikanti dak li seħħ fis-Sezzjoni ta’ Kontra l-Frodi u l-Ħasil tal-Flus fejn kif ħabbarna lbieraħ fuq dan is-sit, kien hemm movimenti li seħħew eżatt wara xhieda li ingħatat fil-Qorti mis-Supretendenti Antonovich Muscat u Ray Aquilina. Illum, dawn iż-żewġ uffiċjali qedgħin fuq “sick leave” fit-tul. Għalkemm sorsi minn ġewwa id-Depot ikkonfermaw ma’ Net News li dan kollu seħħ għaliex huma kixfu verament x’kien għaddej fis-Sezzjoni tagħhom b’rabta mal-investigazzjonijiet relatati mal-Panama Papers u l-kumpanija sigrieta Egrant.
L-istorja tas-Supretendenti Muscat u Aquilina kienet żvelata lbieraħ minn dan is-sit, u dwarha ma kien hemm ebda stqarrija mill-Korp tal-Pulizija.
Fix-xhieda tagħhom fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta Daphne Caruana Galizia, is-supretendenti Ray Aquilina u Antonovitch Muscat qalu, taħt ġurament, li sal-lum ma interrogawx u ma bagħtux għal Yorgen Fenech, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Spjegaw li meta r-rapport tal-FIAU wasal għandhom fl-2016, huma kienu għadhom spetturi u s-superjur tagħhom kien is-Supretendent Ian Abdilla li tahom struzzjonijiet biex jaqrawh u jerġgħu jgħadduhulu.
Fix-xhieda tagħhom huma sostnew li normalment rapporti jgħaddu għandhom f’file u mhux ir-rapport waħdu, kif kien il-każ tar-rapport tal-FIAU. Hawn, ħareġ b’mod ċar li huma qatt ma ingħataw direzzjoni minn fuq sabiex jipproċedu dwar il-Panama papers.
Mistoqsi jekk Keith Schembri jissemmiex fir-rapport tal-FIAU dwar 17 Black, is-supretendent Ray Aquilina kien wieġeb “iva”.
Is-supretendent Antonovitch Muscat il-ġimgħa li għaddiet qal li t-taqsima tal-ħasil tal-flus għamel talbiet lill-Europol u l-Interpol dwar 17 Black. Iżda spjega li ħafna ġurisdizzjonijiet ma weġbux, fosthom Dubai.
Kompla jgħid li minn dan ir-rapport ħareġ li kien hemm tentattiv ta’ ħasil ta’ flus imma ma kienx hemm transazzjonijiet.
Is-Supretendent Muscat qal li mir-rapport ta’ 17 Black irriżulta wkoll li tliet Russi kienu għaddew €100,000 lill-eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, għall-passaporti li xtraw taħt l-IIP.
Meta kien mistoqsi mill-avukat Jason Azzopardi kif ma xegħlitlux bozza ħamra meta ra li ċ-Chief of Staff irċieva €100,000… u li f’dan kollu kien hemm ukoll l-involviment ta’ Brian Tonna, is-supretendent qal li dan xegħellu bozza ħamra imma ma kienx hemm biżżejjed provi biex jressaqhom il-Qorti.
//= $special ?>