Internazzjonali

Afganistan: Ikomplu l-konfronti mat-Taliban minkejja l-iżbokk fil-ftehim għall-paċi

Il-qawwiet tal-Gvern Afgan u l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban fl-aħħar sigħat komplew bil-gwerra kontra xulxin minkejja li l-uffiċjali tal-Istati Uniti rreferew għal ‘żblokk’ fit-taħditiet bejn l-istess entitajiet avversarji…Żblokk li kapaċi jwassal għat-tmiem tal-konflitt fl-Afganistan li ilu għaddej għal 18-il sena.

Waqt li n-negozjaturi tal-Gvern Afgan u t-Taliban komplew bil-laqgħat f’Doha, fil-Qatar, is-sorsi qrib l-amministrazzjoni ta’ Kabul u oħrajn Talibani t-tnejn irrappurtaw ‘li kien għaddej il-ġlied mal-art ( fl-Afganistan)’.

Il-Ministeru tad-Difiża Afgan sostna li kmandant ewlieni tat-Taliban kien inqatel f’attakk mill-ajru li kkonċentra fuq zona lejn in-naħa ta’ fuq tal-provinċja ta’ Balkh. Stqarrija qalet li ‘Mawlavi Sardar Mohammad, li kien membru importanti tal-kummissjoni militari tat-Taliban, spiċċa maqtul, flimkien ma’ militanti oħrajn, f’dan ir-rejd mill-qawwiet tal-ajru Afgani’.

It-Taliban ma kkonfermax ir-riżultat ta’ dan l-attakk, iżda kelliema għall-grupp qalu li l-ġellieda tagħhom qatlu talanqas sitt suldati Afgani, inklużi żewġ uffiċjali, waqt attakk fuq checkpoint fil-provinċja ta’ Kunduz.

Il-ġlied kompla għaddej fl-Afganistan minkejja li s-sorsi tal-Gvern, it-Talibani u l-Isati Uniti indikaw li ftehim għall-paċi f’dan il-pajjiż jista’ ikun iffirmat anki dan ix-xahar stess. Il-ftehim għandu jippermetti għall-irtirar ta’ xi 13,000 suldat Amerikan u eluf ta’ elementi oħrajn tan-NATO li għadhom fl-Afganistan wara l-intervent tal-2001 mill-militar Amerikan, bil-għan li jqaċċat it-Tmexxija tat-Taliban f’Kabul (u li fil-fatt sar).