Lokali

Ali Sadr kien juża 5 ismijiet differenti, 2 dati tat-twelid u 5 visas jew permessi ta’ residenza

"Mossi huma sinonimi ma' persuni li jkunu jridu jwettqu l-illegalitajiet"

Is-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad inkixef li kien juża ħames ismijiet u żewġ dati tat-twelid differenti grazzi għal erba’ passaporti maħruġa mill-gżira St Kitts & Nevis.

Dan ġie kkonfermat mill-konsulent finanzjarju Amerikan Kenneth Rijock, li kkwotat minn The Shift News iddikjara li Ali Sadr kien jagħmel użu minn dawn l-ismijiet differenti biex iwettaq negozju internazzjonali.

Ali Sadr kien arrestat f-Istati Uniti f’Marzu tal-2018 fuq akkużi ta’ ħasil t’ flus u ksur tas-sanzjonijiet internazzjonali kontra l-Iran.

Kien hawn biss li l-awtoritajiet f’pajjiżna, wara snin ta’ akkużi ta’ rregolaritajiet mill-Bank Pilatus, għażlu li jieħdu azzjoni u jwaqqfulu l-liċenzja biex jopera f’Malta.

Ali Sadr kien juża wkoll diversi permessi ta’ residenza u visas biex seta’ jgħix fir-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Belarus u l-Iżvizzera.

Rijock iddikjara li dawn il-mossi huma sinonimi ma’ persuni li jkunu jridu jwettqu l-illegalitajiet hekk kif normalment jintużaw minn min ikun irid ifixkel xi investigazzjoni fuqu jew għal skop ta’ ħasil ta’ flus.

Innota wkoll li numru ta’ persuni relatati mal-każ tal-Bank Pilatus huma magħrufa għar-rabtiet tagħhom ma’ aġenziji tal-intelliġenza tal-Iran.