Formula 1 Sport

AlphaTauri jiżvelaw il-karozza b’dehra u identità ġdida

(Ritratt: Formula 1)

It-tim AlphaTauri żvela l-karozza li se jikkompeti biha f’dan l-istaġun f’dak li hu staġun importanti għalihom. Wara 16-il sena taħt l-isem ta’ Toro Rosso, it-tim ta’ riserva ta’ Red Bull ħa l-isem tal-marka tal-moda tal-kumpanija, b’dehra u identità ġdida.

Il-bidla l-aktar notevoli hi l-aktar evidenti fuq il-karozza, bil-blù skur u l-aħmar ta’ Toro Rosso, jinbidlu f’abjad u blù u b’disinn ġdid. Pierre Gasly u Daniil Kvyat se jerġgħu jkunu s-sewwieqa tat-tim, bl-għan li jkomplu fuq is-sitt post miksub minn Toro Rosso s-sena l-oħra.

Il-Kap tat-tim Franz Tost, għamel mira ċara li għall-ewwel darba huma jidħlu mal-ewwel ħamsa fil-kampjonat tal-kostrutturi. Pierre Gasly qal li huma jridu jżommu r-ritmu li spiċċaw l-istaġun bih u t-tim jinsab motivat ħafna.

Minkejja l-bidla fl-isem, AlphaTauri se jkomplu jibbenefikaw mir-relazzjoni tajba ma’ Red Bull filwaqt li t-tim ibbażat fl-Italja li beda bħala Minardi fl-1985, se juża wkoll il-magni Honda bħal Red Bull. Huma jagħmlu d-debutt fiċ-ċirkwit f’Misano qabel mal-kumplament tat-timijiet, jibdew it-testijiet ta’ qabel l-istaġun fid-19 ta’ Frar fiċ-ċirkwit ta’ Katalunja.