Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech kellu l-ewwel laqgħa mal-uffiċjali tal-Kumitati Sezzjonali tal-partit minn meta nħatar f’din il-kariga. Għal-laqgħa, li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN, attendew il-Presidenti, is-Segretarji u Teżoriera tal-Kumitati lokali tal-partit f’Malta. Laqgħa simili se ssir għall-uffiċjali f’Għawdex fil-ġranet li ġejjin.
Francis Zammit Dimech beda billi rringrazja lill-predeċessur tiegħu Clyde Puli għall-ħidma li wettaq tul iż-żmien li serva bħala Segretarju Ġenerali. Zammit Dimech qal li l-PN jinsab għaddej minn żmien ta’ sfidi imma wkoll minn żmien interessanti li joffri ħafna opportunitajiet sbieħ. Huwa qal li wieħed mil-isbaħ żminijiet għal kull organizzazzjoni hu ż-żmien tar-riformi u tat-tiġdid. Huwa dan il-proċess li bih niftħu t-twieqi għal arja ġdida. “Dan huwa l-proċess li jagħtina ċ-ċans niskopru mill-ġdid il-vokazzjoni tagħna li nkunu ta’ servi fidili għall-poplu kollu.”
Francis Zammit Dimech fisser li hu jħossu mimli entużjażmu, enerġija u determinazzjoni li flimkien mal-kumitati lokali jagħti ħajja ġdida lill-partit. “Il-partit qed isejjaħ lil kull partitarju, lil kull membru, lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex flimkien nagħtu lill-pajjiż għodda denja li tkun ta’ fejda għall-poplu tagħna.” Huwa appella li kull min hu involut fil-partit jiddeċiedi li jimpenja ruħu b’dedikazzjoni u b’sens ta’ sagrifiċċju.
Is-Segretarju Ġenerali ta dettalji dwar il-fażi li se tibda fil-proċess ta’ riforma u tiġdid. Huwa qal li s-Sibt il-Kumitat Eżekuttiv tal-partit se jibda jiddiskuti x’tibdil għandu jseħħ fl-istruttura u fl-organizzazzjoni tal-partit bl-iskop li jsir partit u oppożizzjoni effettivi bi tħejjija bħala alternattiva għall-Gvern.
Huwa ħabbar li fil-ġejjieni qarib se jitlaqgħu ħames Assemblej ta’ Kunsillieri biex anke huma jiddiskutu dawn il-proposti qabel ma jgħaddu għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-Kunsill Ġenerali.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius.
//= $special ?>