Internazzjonali Lokali Parlament Saħħa

“Għandna fiduċja assoluta fl-esperti tas-saħħa Maltin u m’hemmx lok għall-allarm”

Immaġni mil-laboratorju tal-Coronavirus
L-Oppożizzjoni b'fiduċja fil-professjonisti Maltin li qed iħejju bl-aħjar mod għall-eventwalità li titfaċċa COVID-19 f'pajjiżna

Fil-ħin tal-aġġornament tal-Parlament l-Erbgħa, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kura fil-Komunità u s-Saħħa Mentali, Mario Galea, taha aktar tagħrif dwar il-Coronavirus, jew kif inhi issa magħrufa bħala COVID-19, u lissen il-fiduċja assoluta tiegħu, f’isem l-Oppożizzjoni, fit-tim ta’ mediċi li qegħdin iħejju l-preparamenti meħtieġ fl-eventwalità li l-virus jitfaċċa f’pajjiżna.

Id-deputat Nazzjonalista elenka kif dan l-istess tim, fosthom il-Prof. Charmaine Gauci, Dr. Chris Barbara, Tanya Mellili u l-Unit li jikkontrolla l-Infezzjonijist, ħadem miegħu bħala Segretarju Parlamentari biex ippreparaw għall-eventwalità li titfaċċa l-Iswine Flue AH1N1, kif filfatt tfaċċa, u allura la kienu eċċellenti dakinhar, illum kisbu aktar esperjenza b’dak li għexu fi żmien is-Swine Flue.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni elenka kif s’issa nafu li jeżistu 7 Coronaviruses differenti li nfettaw lill-bniedem, iżda hemm oħrajn li ma nfettawhx, probabbilment b’kuntatt mill-viċin mal-friefet il-lejl u s-sriep f’Wuhan, iċ-Ċina, hekk kif għandhom it-tradizzjoni li jieklu annimali maqbudin fis-selvaġġ u mibjugħa fi swieq miftuħa.

Dan mhux se jkun l-ewwel u lanqas l-aħħar virus li jinfetta lill-bniedem hekk kif virus jirnexxielu jgħix biss fl-annimali, fil-bnedmin u fil-pjanti. F’dan il-każ, dan il-virus novell kien fl-annimali u b’mutazzjoni beda jinfetta lill-bniedem. Illum il-ġurnata huwa aktar probabbli li jseħħu dawn il-każijiet peress li l-popolazzjoni tad-dinja qed tikber u l-barriera bejn l-annimal selvaġġ u l-bniedem qed tonqos.

Peress li virus ma jgħix barra mill-ospitant għal aktar minn 48 siegħa, id-deputat Nazzjonalista qal li l-virus jara kif jinbidel u jimmultiplika sabiex jgħix aktar u jsib aktar ospitanti, din id-darba b’kuntatt mill-qrib mal-bniedem. Dan il-virus ġdid ħoloq allarm għaliex ix-xjentisti ma kienu jafu xejn dwaru, la kif se jaġixxu, la kemm hu serju, kemm kapaċi joqtol nies, kemm-il darba se jinbidel u jitqawwa biex joqtol aktar nies.

Sakemm ix-xjentisti jistudjaw is-sintomi tal-virus, bħalma ġara fil-passat bis-SARS, MERS u l-Iswine Flu, virus novell jirnexxielu jinfetta l-eluf u joqtol il-mijiet għaliex la jkun hemm mediċina biex tfejjaq jew vaċċin biex tipprevjeni. Vaċċin effettiv jieħu ż-żmien biex isir filwaqt li m’hemmx garanzija li anti-virals li jaf ħadmu f’infezzjonijiet oħra jkunu effettivi mal-Coronavirus.

Mario Galea elenka is-sintomi li joffri l-virus, fosthom sogħla xotta li tiżdied wara ġimgħa, jitla’ d-deni però wieħed rari tagħtas jew iqattarlu mnieħru u f’każijiet severi, wieħed jaqbdu polmonite u jaq toqtlu. Dawk l-aktar vulnerabbli huma nies ażmatiċi, dawk li jbatu bid-dijabete jew li qed jieħdu l-kura għall-kanċer.

Izda dan il-virus qed joħloq sfida kbira biex jintgħaraf għaliex dawk infettati jew juru sintomi ħfief jew saħansitra sintomi ta’ xejn u wieħed jaħseb li sempliċiment għandu riħ. Dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi ttraċċat għaliex l-infettat jibqa’ jmur għax-xogħol, jagħmilha man-nies u jirnexxielu jinfettahom kull meta jisgħol jew jagħtas u jtajjar il-qtar. Dawn il-bnedmin jiġu nfettati billi jikkunsmaw dawn il-qtar meta jieħdu n-nifs u jidħlu fis-sistema respiratorja jew meta jmissu l-qtar b’idejhom, bħal meta jintrefa’ telefon, u sussegwentament jimsħu ħalqhom, imneħirhom jew għajnejhom. B’hekk dan il-virus huwa sostenibbli minnu nnifsu u jeħtieġ jiġi miġġieled għax waħdu mhuwiex se jinqered.

Minn studju tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fuq 17,000 pazjent infettat mill-virus, 82% tal-każijiet huma ta’ natura ħafifa, 15% huma każi serji filwaqt li 3% huma kritiċi li jwasslu għall-fatalitajiet. Filwaqt li nhar it-Tnejn ġew irrappurtati 103 imwiet, numru rekord ta’ nies fiċ-Ċina li mietu b’dan il-virus, fl-istess ġurnata ġie rrappurtat kif ir-rata tal-infezzjoni naqqset b’20%. Id-deputat Nazzjonalista saħaq li l-Coronavirus għadu fl-istat ta’ epidemija, ċioè numru ta’ infezzjonijiet fl-istess perjodu f’post iżda li qed jinxtered f’komunitajiet, iżda mhux madwar id-dinja kollha bħal fil-każ tal-Iswine Flu li saħansitra waslet Malta.

Minkejja li oftalmolġista, li serva ta’ whistleblower, kien ġie akkużat mill-Pulizija li xerred aħbarijiet foloz u kien mhedded li jiġi arrestat, eventwalment iċ-Ċina informat u kkooperat bi sħiħ mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa dwar il-virus filwaqt li impenjat lilha nnifisha li tagħlaq dawn is-swieq miftuħha kif ukoll rregolat il-qbid ta’ annimali slavaġ għall-konsum. Il-virus issa ġie iżolat f’laboratorju, ingħata identifikazzjoni u bħalissa qed isir ix-xogħol għall-vaċċin.

Mario Galea sellem lil Dr. Gauden Galea li beda bi klinika żgħira f’Ħaż-Żebbuġ u issa l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa assenjatu f’Beijing biex jikkontrolla l-virus novell. Minkejja li mhuwiex pandemija, l-Għaqda ddikkjarat il-Coronavirus bħala emerġenza tas-saħħa pubblika li hu ta’ tħassib internazzjonali biex ikollha s-setgħa tikkoordina miżuri ta’ prevenzjoni globali biex ma jinxteridx il-COVID-19. It-tħassib ewlieni tal-WHO hija li l-virus jinfirex f’pajjiżi li m’għandhomx sistemi ta’ saħħa u allura mhuwiex il-każ ta’ Malta hekk kif għandha sistema ta’ saħħa robusta.

L-akbar nuqqas tal-Gvern f’dan kollu huwa li t-termometri elettroniċi fil-portijiet u fl-ajruport, li huma tant vitali biex jinterċettaw il-virus, ma jaħdmux u l-kelliem tal-Oppożizzjoni talab biex din it-traskuraġni tiġi indirizzata mill-aktar fiż. Huwa għamel numru ta’ appelli lill-pubbliku li jservu ta’ prevenzjoni minn dan il-virus. Jekk wieħed iħossu ma jiflaħx, huwa importanti li jibqa’ d-dar ’il-bogħod minn nies. F’każ ta’ sogħla jew għatis, huwa imperattiv li wieħed jgħatti ħalqu b’tissue u jarmieha minnufih iżda jekk wieħed ma jkollux, għandu jagħtas jew jisgħol fil-vojt ta’ minkbejh. Huwa importanti li wieħed ma jmissx idu, ħalqu, imnieħru jew għajnejh meta jkollu idejh maħmuġin u jaħsilhom bis-sapun u l-ilma.

Mario Galea saħaq kif jeżisti nuqqas ta’ iġjene meta wieħed jitqarben mill-ħalq, la għal min iqarben jew jitqarben, u għalhekk appella lill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jingaġġaw f’diskussjonijiet mill-ġdid mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, bħalma kien għamel hu bħala Segretarju Parlamentari fi żmien l-Iswine Flu, biex ma jsirx tqarbin fil-ħalq.

Tipprevjeni kemm tipprevjeni, id-deputat Nazzjonalista saħaq kif huwa inevitabbli li l-Coronavirus li jasal Malta jekk jibqa’ jinfirex iżda għandu fiduċja assoluta fl-esperti, li ħadem magħhom lejl u nhar fi żmien l-Iswine Flu, bit-tensjonijiet kollha. Huwa jħoss li Malta hija ppreparata, grazzi anki għall-parteċipazzjoni tal-esperti Maltin tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, biex tilqa’ għall-eventwalità li l-virus jasal Malta.