Internazzjonali

Il-Coronavirus: Indikazzjonijiet tal-impatt fuq l-istaff mediku fiċ-Ċina

L-uffiċjali Ċiniżi provdew l-istatistika relatata għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li spiċċaw infettati bil-coronavirus ġdid li qed jallarma lid-dinja. Dan meta żdied it-tħassib dwar nuqqas ta’ tagħmir protettiv għal dawn il-ħaddiema li jinsabu ‘fuq quddiemnett’ fil-ġlieda lejn it-trażżin tal-infezzjonijiet.

Skont l-istatistika, mietu sitt ħaddiema tas-saħħa mill-effetti ta’ dan il-virus ġdid — b’madwar 1,800 oħra jispiċċaw infettati — mindu feġġet l-epidemija fil-belt ta’ Wuhan, fil-provinċja ta’ Hubei, lejn l-aħħar tas-sena l-oħra.

L-impatt tal-virus fuq il-qasam mediku kien enfasizzat bil-mewt, ġimgħa ilu, tat-tabib, Li Wenliang, li pprova jwissi lill-awtoritajiet ‘minn ħafna qabel’ dwar il-periklu tal-coronavirus – u ħafna qabel irrankaw l-infezzjonijiet. L-effetti tal-virus irriżultaw fatali għal dan it-tabib, b’mewtu jwassal għal ‘splużjoni’ ta’ rabja u niket fost il-pubbliku.

Zeng Yixin, il-Viċi-Ministru tal-Kummissjoni Nazzjonali tas-Saħħa fiċ-Ċina, qal li 1,102 ħaddiema mediċi spiċċaw infettati f’Wuhan, b’400 oħra jmisshom dan id-destin fi bnadi oħra ta’ Hubei. Hu ammetta li ‘qed jiżdiedu’ l-infezzjonijiet fost l-istaff mediku li qegħdin jaħdmu ‘qalb elementi qawwija ta’ sogru’.

L-awtoritajiet lokali, intant, qed isibuha diffiċli biex jipprovdu tagħmir ta’ protezzjoni bħall-maskli għan-nifs, goggles u ilbies speċifiku għall-isptarijiet fiz-zoni tal-infezzjoni.

S’issa laħqu mietu ‘il fuq minn 1,300 persuna mill-virus – bl-aħħar statistika tindika ‘122 mewta ġdida fiċ-Ċina’, fejn it-total tal-mejtin hu stabbilit mal-1,381. L-infezzjonijiet mill-coronavirus, skont il-Kummissjoni tas-Saħħa, issa qabżu t-63,922 każ.

Min-naħa tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li ma kien hemm l-ebda bidla ‘fis-severità jew impatt’ tal-coronavirus, minkejja żieda fl-infezzjonijiet fl-inħawi ta’ Hubei.

Skont il-WHO ma dehret l-ebda żieda sinifikanti fil-każi tal-coronavirus barra ċ-Ċina – għalkemm kienu kkonfermati 44 każ ġdid ta’ infezzjoni fuq il-vapur tal-cruises ‘Diamond Princess’ li qed jinżamm taħt kundizzjonijiet ta’ kwarantina fil-port ta’ Yokohama fil-Ġappun. In-numru tal-infettati fuq dan il-vapur, b’hekk, tela’ għal 218.