Budget 2020 Lokali Parlament Saħħa

Il-pensjonanti jiċċaħħdu mill-ikel ta’ kuljum sabiex jaffordjaw jixtru l-mediċina

Maria Deguara telenka l-bosta nuqqasijiet tal-Gvern Laburista fis-settur tas-saħħa u twassal bosta proposti tal-Oppożizzjoni għal titjib fis-servizz offrut

“Meta jinqala’ xi mard għall-għarrieda f’nofs ix-xahar, il-pensjonanti jkollhom jiċċaħħdu minn affarijiet tant bżonnjużi għal saħħithom, bħall-ikel u xorb ta’ kuljum, sabiex ikunu jistgħu jaffordjaw jixtru mediċini tant għoljin. Il-Gvern faċilment seta’ offra dawn il-mediċini b’xejn jew żied sostanzjalment il-pensjonijiet mill-€180 miljun li huwa ta lill-Vitals u lil Steward f’dawn il-5 snin li għalihom, il-poplu Malti baqa’ jittewweb bl-anzjani l-aktar vulnerabbli f’sitwazzjoni finanzjarja mwegħra.”

Saħħqet dan il-kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva, Persuni b’Diżabilità, u l-ġlieda kontra l-vizzji, Maria Deguara, waqt id-dibattitu parlamentari dwar l-abbozz li jaddotta l-liġi tal-estimi finanzjarji.

Hija bdiet biex elenkat kif id-dipendenza fuq il-professjonisti barranin dejjem qiegħda tiżdied hekk kif hawn nuqqas kbir ta’ professjonisti Maltin jaħdmu fis-settur tas-saħħa. Dan hekk kif anki dan il-qasam qiegħed jikkompeti ma’ industriji ġodda f’Malta li joffru għażla usa’ t’opportunitajiet ta’ xogħol b’inqas impenn u responsabbiltà iżda b’paga ogħla.

Biex tkompli tgħaxxaq, iċ-Ċentri tas-Saħħa huwa kollha ffullati, partikolarment b’taħlita ta’ pazjenti li skont l-MUMN, ħafna minnhom huma familjari ta’ ħaddiema barranin li ġew jaħdmu Malta, pazjenti penzjonanti li ħafna minnhom huma kostretti jirrikorru għas-servizz minħabba mard kroniku u għaliex ma sservihomx il-pensjoni, u fi tmiem il-ġimgħa jiżdiedu b’aktar pazjenti li normalment jirrikorru għall-kura primarja privata hekk kif din tkun mill-inqas aċċessibbli.

Minkejja li huwa tajjeb li l-ħajja tal-bniedem twalet grazzi għall-żviluppi fil-qasam mediku u farmaċewtiku, il-fatt li l-familji tal-barranin qed splodew il-presssjoni fuq is-servizz tas-saħħa turi kif din kienet miżura ekonomika tal-Gvern mingħajr pjanar minn qabel u viżjoni fit-tul, saħqet id-deputat Nazzjonalista. Fl-istess waqt, il-Gvern qiegħed juri li għandu idu rqiqa mat-tobba li jaħdmu fis-settur privat hekk kif mhux biss ma hemm ebda kontinwità u kooperazzjoni bejn iż-żewġ setturi fil-kura primarja, talli din tista’ twassal għal soluzzjoni aħħarija biex il-pressjoni fuq is-settur pubbliku tonqos. Deguara appellat biex il-Gvern jieħu vantaġġ mill-era diġitali sabiex jiffaċilita din il-kontiwità u fl-istess ħin jara li juża aħjar ir-riżorsi b’anqas ħela biex isir aktar investiment fir-riċerka.

Apparti minn hekk, din il-pressjoni qed tiġi kkawżata ukoll b’ċifri xokkanti ta’ tobba li lanqas qegħdin jagħżlu jipprattikaw fil-privat hekk kif l-età medja tat-tobba li jaħdmu fil-privat qabżet il-50 sena. Dan juri kif m’għadhiex vijabbli għall-maġġoranza tat-tobba ġodda li jipprattikaw fil-privat hekk kif qed jagħżlu li jispeċjalizzaw lokalment jew imorru jaħdmu barra minn xtutna.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni alludiet kif b’konsegwenza ta’ dan, it-tobba fil-privat la għandhom l-lussu u l-firxa li jinvestiga biex jasal għal dijanjosi fuq il-pazjent u wisq anqas ma jista’ jitlob il-parir ta’ esperti bħalma jagħmel tabib mal-Gvern. Flimkien ma’ dawn ir-raġunijiet, peress li dawn it-tobba jaħdmu mingħajr superviżjoni biex kull deċiżjoni li jieħdu tingħata dak il-ħin abbażi tat-taħriġ kliniku li jikseb u żdiedu l-kawżi fil-Qrati fil-konfront tat-Tobba, it-tobba jirreferu l-pazjenti lill-isptarijiet kemm sabiex ma jassumux ir-responsabbiltà u għaliex l-investigazzjonijiet li jitolbu mingħand l-ispeċjalisti jdumu ma jinħarġulhom, kemm fil-każ ta’ Xrays u ECGs.

Maria Deguara kompliet tappella sabiex jinqatgħu darba għal dejjem dawn il-burokraziji, anki fil-każ ta’ testijiet biex jiġu identifikat mard serju tal-għonq tal-utru, u tiżdied it-trasparenza u l-kontabbiltà. Hija attribwixxiet in-nuqqas ta’ koordinazzjoni mal-privat ma’ nuqqasijiet żgħar fis-sistema pubblika tas-saħħa li l-Gvern qed ikaxkar saqajh dwarhom u li jinħtieġlu jaqbad il-barri minn qrunu sabiex ma jgħarraqx is-sitwazzjoni preżenti aktar milli hi. Li kieku t-tobba fil-privat jingħatawlhom l-istess drittijiet bħat-tobba li jaħdmu mal-Gvern, b’aċċess ugwali għat-testijiet u l-għodda disponibbli, din twassal biex tonqos il-pressjoni fuq is-settur pubbliku, il-pazjenti jivvjaġġaw ħafna anqas filwaqt li tqawwi qalb lill-aktar tobba jipprattikaw privatament.

Il-weġgħa tal-professjonisti, li rringrazzjathom tax-xogħol imprezzabbli tagħhom, fosthom l-infermiera, spiżjara, professjonijiet anċillari u l-paramediċi, kienet li mhux talli s-servizz tas-saħħa pubblika nbiegħ lill-privat għal €1, talli l-poplu nefaq €180 miljun għall-wegħda fiergħa tal-aqwa sptarijiet fl-Ewropa li jattiraw saħansitra turiżmu mediku u baqa’ jittewweb. Mawra sal-Isptar San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jikkonferma dan kollu bl-operatur eżistenti, Steward Healthcare, jiskopri li wiret dejn ta’ €36 miljun mingħand Vitals Global Health Care.

Quddiem dawn il-każijiet oxxeni, id-deputat Nazzjonalista saħqet kif il-pazjent iħossu sempliċiment numru fis-sistema eżistenti tas-saħħa għaliex għall-flus li jħallas f’taxxi, ma jingħatax id-dinjità li tant tixraqlu. Hija appellat lill-Gvern jieqaf ikaxkar saqajh dwar is-sistema ħolistika bejn is-settur privat u pubbliku billi jimplimenta s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-pazjenti mat-tabib fil-komunità mingħajr dewmien, biex fl-istess waqt il-pazjent igawdi mill-kunfidenzjalità tal-informazzjoni medika personali.

Intant, b’riferenza għall-Permormance Audit: Community Care for olders Persons maħruġ mill-Awditur Ġenerali, il-kelliem tal-Oppożizzjoni ċanfret lill-Gvern talli qed iħalli lill-anzjani jew persuni bi bżonnijiet speċjali mhux biss jistennew xahrejn u nofs biex social worker iżurhom biex jagħmel assessment tal-qagħda eżistenti, talli jistennew tal-anqas 4 xhur biex jingħatalhom is-servizz tal-Home Help mid-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u l-Kura Komunitarja. Dan minħabba li l-189 impjegat ingaġġati mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda ta’ 2814 residenza li jagħmlu użu mis-servizz. 2105 residenza minnhom suppost jingħataw servizz fi żmien 5 ijiem mingħand kuntrattur iżda r-rapport jikxef kif is-servizz qiegħed jingħata minn ħmistax sa 3 xhur u nofs wara biex qiegħed jikser il-kundizzjonijiet fil-kuntratt.

Iżda l-Gvern jidher li mhuwiex jinforza dan il-kuntratt, għad-detriment tal-anzjani fil-komunità, hekk kif il-kuntratturi jilmentaw li ma jsibux ħaddiema biżżejjed għad-domanda. Dawn qed ikollhom iġibu carers minn barra l-Unjoni Ewropea b’pagi indiċenti, li jkompli jiskoraġixxu lill-Maltin milli jagħmlu dan ix-xogħol, mingħajr ma jkunu mħarrġa biex jikkomunikaw mal-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà bil-Malti u xi kultant bl-ardir li jabbużaw minnhom psikoloġikament u fiżikament.

Maria Deguara elenkat ukoll kif ir-rifużjoni parzjali allokata mill-Gvern sabiex l-anzjan jingaġġa carer direttament hu mhuwiex biżżejjed għall-flus li jintalbu mill-istess carers biex jagħmlu dan ix-xogħol, li ma jsirx b’anqas minn €8 is-siegħa. Dwar is-servizz tal-ikel offrut fir-residenzi għall-anzjani privati u tal-Gvern, ir-rapport ikkonferma kif il-kwalità kif ukoll id-daqs tal-porzjon offrut mar lura. L-anzjani li ilhom snin rikoverati f’San Vinċenz de Paule lanqas jafu li jeżisti menù inkluż id-diżerta, kif qal is-Supretendent tad-Dar, aħseb u ara x’fih.

Il-baġit ma għamel ebda riferenza għall-ġlieda kontra d-droga, bil-vittmi li jabbużaw minnha jiżdiedu u twassal ukoll għall-aktar kriminalità. Id-deputat Nazzjonalista appellat għall-programmi edukattivi biex it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu konxji mill-perikli ta’ sustanzi abbużivi hekk kif ma joffrux soluzzjoni għall-problemi tal-ħajja. Il-problema tifni lill-individwi u l-familji b’dejn, gideb, biki u disprament filwaqt li appellat lill-Gvern jabbanduna kwalunkwe pjan li jillegalizza l-kannabis għall-użu rikreazzjonali hekk kif studji juru kif sempliċiment joint f’età tenera twassal għall-abbuż ta’ sustanzi aktar qawwija bħall-eroina ’il quddiem. Tant il-prevenzjoni qed tfalli li l-Gvern jeħtieġ li jsaħħaħ iċ-ċentri tar-rijabilitazzjoni li fil-preżent mhumiex ilaħħqu mad-domanda.