Lokali

Imgiddeb artiklu li ġie ppubblikat mill-media tal-GWU

Fi stqarrija maħruġa mill-persuna li qed imexxi r-Riforma tal-Partit Nazzjonalista, Louis Galea saħaq illi huwa gidba dak li inkiteb mis-sit b’tendenzi laburisti tal-General Workers Union iNews dalgħodu f’artiklu bit-titolu insidjuż f’forma ta’ mistoqsija “Louis Galea mbuttat biex jieħu post Delia bħala kap interim tal-PN?”

Louis Galea insista li m’hemm l-ebda verità fil-qlajja li “bosta huma dawk li qed jappoġġjaw il-ħatra ta’ kap interim, b’Louis Galea meqjus bħala l-profil l-aktar addattat għal din il-kariga fil-mument attwali”.

M’hemm l-ebda verità fil-qlajja li xi Membri Parlamentari qatt b’xi mod indikaw li f’xi żmien riedu jew iridu lili f’xi mument bħala Kap interim. Meta f’Lulju ilqajt l-istedina tal-Kap tal-PN Adrian Delia, u tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN biex ngħin fil-proċess ta’ tiġdid tal-partit, għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti, iddikjarajt kategorikament li m’għandi l-ebda intenzjoni naċċetta l-ebda kariga fil-partit, wisq aktar ta’ Kap interim, ħlief li ngħin fir-riforma u tiġdid tal-partit bħala servizz lil Adrian Delia u lill-partit.

L-istqarrija tkompli nilli tgħid “jidher biċ-ċar li iNews, u s-sorsi tagħhom, mhuma qed jieħdu gost xejn li l-PN tassew imbarka fuq proċess ta’ tiġdid”.

Louis Galea insista wkoll illi bħal ma ġara fil-passat, min ma jridx il-PN jiġġedded u jissaħħaħ qiegħed b’mod attiv jipprova joskura il-proċess, waqt li fl-istess ħin ifixkel u jimmisinforma lillmembri u kunsilliera tal-partit li fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jridu jiddeċiedu fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-partit.