Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ħebb għas-sieħba tiegħu

Bormliż ta’ 30 sena nżamm taħt arrest preventiv mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li ġie mixli li ħebb għas-sieħba tiegħu waqt ġlieda li seħħet fil-karozza tal-mara nhar il-Ħamis li għadda għall-ħabta tal-11.30pm fil-Marsa.

Il-każ seħħ wara li l-koppja ħarġet minn party bl-akkużat li kien qed isuq il-karozza u s-sieħba tiegħu jilletikaw u spiċċaw anke fl-idejn. Allegatament huwa ta’ daqqa ta’ ponn lil mara u kkazġunalha ġrieħi ħfief.

Jidher li l-‘ġlieda kibret sal-punt li t-tnejn li huma ħarġu mill-karozza, bil-mara titlaq biha u r-raġel jipprosegwi bil-mixi. Waqt li kienet qed isuq il-karozza tagħha, l-mara sabet ‘road block’ u meta kienet imwaqqfa mill-Pulizija, hija qaltilhom x’kien ġara.

Ir-raġel ġie mixli wkoll li kemm il-Ħamis li għadda u fix-xhur ta’ qabel huwa nġurja lis-sieħba tiegħu, li kkaġunalha biża li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha u li kiser il-paċi pubblika.

L-Avukat Charmaine Cherrett li deheret għal Bormliż qalet li ll-klijent tagħha kien u ilu l-vittma f’dan il-każ u dan peress li huwa ilu għal żmien twil jixtieq li jtemm ir-relazzjoni mas-sieħba tiegħu, li hija 20 sena ikbar minnu.

Qalet ukoll li minkejja li qalilha diversi drabi li ma jridx ikompli bir-relazzjoni, l-mara ma tridx taf u baqgħet tiffittah biex jibqa’ magħha.
L-Avukat Cherrett qalet li ġara kien li waqt li l-akkużat kien qed isuq il-karozza, s-sieħba tiegħu tagħtu daqqa ta’ ponn u kkawżatalu ġrieħi ħfief li huma viżibbli f’għajnejh. Qalet ukoll li bl-aġir tagħha setgħet faċilment ikkawżat inċident tat-traffiku.

L-Avukat qalet li l-klijent tagħha ma riedx imur għand tabib biex jeżaminah għall-ferita li ġarrab. Id-difiża għamlet talba għal libertà proviżorja bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Robert Vella tgħid li jekk din tingħata, għandu jkun hemm mezz biex tiġi protetta l-allegata vittma.

Ħareġ ukoll li l-Aġenzija Appoġġ iddikjarat li f’dan il-każ il-vittma tinsab f’risku għoli li ssofri minn vjolenza domestika. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża li jiġu kontaminati l-provi u ordnat ukoll biex fis-seduta li jmiss l-parti l-oħra tagħti x-xhieda tagħha.