Futbol Sport

Miċħuda l-protesti ta’ Floriana u Gżira United kontra xulxin

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-Bord tal-Protesti tal-MFA ma aċċettax iż-żewġ protesti ta’ Floriana u Gżira United. Aktar kmieni din il-ġimgħa, iż-żewġ timijiet ipprotestaw wara d-draw ta’ 2-2 kontra xulxin ġimgħa ilu.

Floriana pprotestaw minħabba li skont huma Dexter Xuereb ma kienx eliġibbli kontrihom minħabba l-logħba sospensjoni li kien weħel. Xuereb ingħaqad ma’ Gżira United f’nofs Jannar mingħand Mosta u ma kienx inkluż fit-tim li fi tmiem il-ġimgħa kien tilef kontra Santa Lucia.

Xuereb għamel id-debutt bħala sostitut kontra Sliema Wanderers fl-1 ta’ Frar, logħba li l-Gżirjani tilfu 2-0. Iż-żagħżugħ lagħab is-Sibt li għadda kontra Floriana, iżda skont il-Furjaniżi, Xuereb lagħab mingħajr ma skonta l-logħba sospensjoni.

Il-protest ta’ Gżira United kien simili dwar il-plejer Marcelo Dias. Il-Brażiljan ingħaqad ma’ Floriana fl-aħħar jum tas-suq tat-trasferimenti. Skont Gżira, Dias kellu jiskonta l-logħba sospensjoni li kellu ma’ Senglea Athletic kontrihom, minħabba li fil-ġimgħa ta’ qabel ma kienx għadu eliġibbli li jilgħab.

Wara din id-deċiżjoni, Gżira United għażlu li ma jattendux għal konferenza stampa organizzata mill-MFA b’rabta mal-logħob tal-Ħadd.