Lokali Qorti

Mixli li offenda u kkawża problemi psikoloġiċi fuq martu

Raġel ta’ 36 sena mill-Ħamrun ġie mixli bi vjolenza domestika fejn allegatament b’mod verbali qal lil martu kliem bħal ‘nifqakhom mal-ħajt’ u kliem ta’ theddid ieħow biex jikkawżalha fastidju.

L-akkużat li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti t-tliet ulied tiegħu u tal-allegata vittma, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Huwa ġie mixli li fid-9 ta’ Frar li għadda u qabel weġġa’ wkoll bi kliemu lil martu billi qalilha kliem diżpreġattiv.

Ġie mixli wkoll li bl-aġir tiegħu bezzagħha u ta x’tifhem li kienet se tintuża’ vjolenza fil-konfront tagħha. Ġie mixli wkoll li nhar il-Ħadd li għadda inġurja lil martu b’mod li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.

Ħareġ ukoll li l-Aġenzija Appoġġ iddikjarat li f’dan il-każ il-vittma tinsab f’risku għoli li ssofri minn vjolenza domestika. L-Avukat Albert Zerafa u Joe Reno Vella li deheru għall-akkużat għamel talba għal libertà proviżorja u ta garanzija li r-raġel se jmur jgħix ma’ ommu, u anke minħabba l-fatt li huwa biss jaħdem u għalhekk xi ħadd irid jipprovdi għall-ħajja. 

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Galea oġġezzjonat għal għoti tal-liberà proviżorja, liema talba iżda ġiet milqugħa mill-Maġistrat Doreen Clarke. Dan fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jkellimx lil mara u li jħalli depożitu ta’  500 u garanzija personali ta’ 2,000. F’isem l-allegata vittma deher l-Avukat Michele Cardinali.