Futbol Sport

Wolves u Leicester jerġgħu jispiċċaw f’parità bil-VAR terġa’ tispikka

(Ritratt: Premier League)

Wolves kienu miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Leicester f’Molineux Stadium, f’konfront li spikka l-aktar minħabba l-gowl imħassar ta’ Wolves bil-VAR qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Id-difensur Willy Boly deher li poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras, iżda Pedro Neto ġie ġġudikat li kien offside b’mod millimetriku fl-azzjoni li wasslet biex ingħata l-kross fil-kaxxa. Dan hu t-tieni draw mingħajr gowls bejn dawn iż-żewġ timijiet f’dan l-istaġun.

Leicester kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas wara li fis-76 minuta tkeċċa l-midfielder Hamza Choudhury għat-tieni karta safra. B’dan ir-riżultat, Wolves telgħu fis-seba’ post filwaqt li Leicester telgħu punt taħt Manchester City.

Il-partita ma tantx laħqet livell spettakolari, b’Leicester isibuha diffiċli biex iżommu l-pusess u jkunu perikolużi. Wolves ma rnexxielhomx ikunu perikolużi bħas-soltu fil-kontrattakk sakemm daħal jilgħab Adama Traore mas-siegħa logħob. Wara li spiċċaw b’superjorità numerika, Wolves kellhom l-aħjar ċans, b’korner tas-sostitut Joao Moutinho jsib lill-attakkant Raul Jimenez iżda falla l-mira b’daqqa ta’ ras.