Atalanta dawru telfa f’rebħa meta fil-Gewiss Stadium għelbu lil Roma 2-1 f’konfront dirett. B’hekk huma saħħew ir-raba’ post hekk kif issa fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-istess Roma. Kienu t-tim ta’ Paulo Fonseca li mar fil-vantaġġ eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta EDIN DZEKO ħa vantaġġ minn żball ta’ Jose Palomino u b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil Pierluigi Gollini. Atalanta ġabu d-draw fil-50 minuta meta minn korner mil-lemin, daqqa ta’ ras ta’ Berat Djimsiti spiċċat fid-direzzjoni ta’ JOSE PALOMINO li mattar siequ biex skorja mill-viċin. Il-gowl tar-rebħa wasal fid-59 minuta bi ġmiel ta’ xutt minn MARIO PASALIC li għeleb lil Pau Lopez.
Genoa kisbu rebħa importanti fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni wara li għelbu lil Bologna 3-0 barra minn darhom. ADAMA SOUMAORO fetaħ l-iskor fit-28 minuta b’konklużjoni mill-kaxxa ż-żgħira. Bologna sfaw jilagħbu b’raġel anqas fl-34 minuta meta tkeċċa Jerdy Schouten għal daħla kerha, deċiżjoni deċiża bil-VAR. B’superjorità numerika ANTONIO SANABRIA rdoppja l-vantaġġ fl-44 minuta b’xutt fil-baxx wara azzjoni personali. Genoa ssiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Stefano Denswil fil-kaxxa, bid-difensur jiġi muri t-tieni karta safra. Mill-11-il metru l-captain DOMENICO CRISCITO ma żbaljax.
Tliet punti importanti wkoll għal Lecce li f’Via del Mare għelbu lil Spal 2-1, f’dak li kien id-debutt ta’ Luigi di Biagio fit-tmexxija ta’ Spal. MARCO MANCOSU poġġa lil Lecce fil-vantaġġ fil-41 minuta minn penalty. Spal kellhom bidu tajjeb għat-tieni taqsima u ġabu d-draw fis-47 minuta b’daqqa ta’ ras għar-rokna ta’ ANDREA PETAGNA wara korner mil-lemin. Iżda Lecce skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-66 minuta b’xutt fil-baxx ta’ ZAN MAJER.
Serie A
Illum: Lecce v Spal 2-1, Bologna v Genoa 0-3, Atalanta v Roma 2-1
Għada: Udinese v Verona 12.30pm, Juventus v Brescia 3.00pm, Sampdoria v Fiorentina 3.00pm, Sassuolo v Parma 3.00pm. Cagliari v Napoli 6.00pm. Lazio v Inter 8.45pm
It-Tnejn: Milan v Torino 8.45pm
//= $special ?>