Futbol Sport

Fgura jinqalgħu mill-aħħar post u Lija jsalvaw punt b’għaxar plejers

(Ritratt: Trevor Sollars)

QRENDI …………………….. 1

FGURA U. ………………….. 3

Qrendi: D. Zarb, S. Schembri, G. Muscat, J. Silveira Da Silva, B. Sammut, J. Pereira (A. Nilsson 66’), A. Agius, D. Azzopardi, E. Perdomo, D. Micallef (L. Martinelli 66’), L.J. Schembri (C. Camilleri 46’)

Fgura U: B. Bartolo, P. Chircop, J. Barbara, S. Abela, D. Cartella (G. Ferreira de Souza 80’), G. Martin (K. Tanti 90’), C. Gandini, J. Vella, J. Cassar, A. Toncheff, G. Galea (T. Grech 86’)

Referee: Shaun Calleja

Fgura United komplew bis-serje pożittiva tagħhom meta għelbu lil Qrendi 3-1 bil-gowls kollha skorjati fl-ewwel taqsima. Fgura kien determinati u ferm dixxiplinati fid-difiża, filwaqt li dejjem kienu ferm perikoliżi fl-attakki tagħhom. Għal Qrendi riżultat ieħor deludenti, fejn issa saret xi ħaġa kostanti li Qrendi jiksbu riżultati mħallta, bit-telfa ma tonqosx wara riżultat tajjeb fil-ġimgħa ta’ qabel.

Wara biss 25 sekonda Fgura fetħu l-iskor meta bid-difiża ta’ Qrendi kompletament wieqfa kien GIOVANNI GALEA li ma żbaljax minn qagħda ideali. Qrendi wettqu reazzjoni tajba u fid-disa’ minuta kisbu l-gowl tad-draw meta minn azzjoni fuq ix-xellug ta’ Silveira Da Silva, il-ballun wasal għand JOSE PEREIRA li b’xutt preċiż sab ir-rokna tax-xibka.

Fit 22 minuta Fgura reġgħu marru fil-vantaġġ meta minn azzjoni ta’ korner, id-difiża ta’ Qrendi ma rnexxiliex ittajjar il-ballun u GIOVANNI GALEA kien fil-post ideali biex spara l-ballun fix-xibka. Fit-42 minuta Qrendi kienu sfortunati meta free-kick ta’ Perdomo stampa mal-mimduda u mir-rebound Dasser Sammut falla minn qagħda ideali. Minuta mill-intervall Fgura kabbru l-vantaġġ meta Giovanni Galea żmarka tajjeb lil DENNIS CARTELLA li daħal tajjeb fil-kaxxa u spara fis-saqaf tax-xibka.  

Tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Perdomo twaqqa’ fil-kaxxa minn Vella bir-referee jordna l-penalty. Mill-11-il metru x-xutt ta’ Perdomo kien salvat minn Bartolo, bl-istess Bartolo jsalva x-xutt minn taħtu mir-rebound ta’ Silveira Da Silva. Fil-65 minuta azzjoni ta’ kontrattakk ta’ Fgura u xutt ta’ Cartella salvat b’diffikultà kbira minn Zarb. Qrendi baqgħu jattakkaw iżda iktar kienu Fgura li resqu viċin diversi drabi f’azzjonijiet ta’ kontrattakk.

Lija jsalvaw punt b’għaxar plejers

LIJA A. …………… 1

PIETÀ H. ………… 1

Lija: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri (G. Bugeja 74’), E. Beu, R. Fenech (M. Clinch 61’), K. Seakanyeng, C. Giordimaina, K. Temile (A. Galea 86’), C. Gauci, A. White.

Pietà: J. Chircop, T. Bartolo, N. Pace Cocks, J. Ghio (C. Bouvet 82’), D. Vugovic, C. Sammut, J.L. Caetano, S. Mizzi, K. Amehi, I. Jalo Ishaya, J. Scicluna (N. Pisani 89’).

Referee: Alex Johnson

Lija Athletic kellhom jikkuntentaw b’punt kontra Pietà, iżda meta wieħed iqis li Lija kienu minn taħt u anki bi plejer inqas għal 35 minuta, dan il-punt jista’ jitqies bħala riżultat pożittiv li jħallihom fil-ġlieda għall-promozzjoni.

Fl-ewwel minuta Lija sfortunati meta xutt ta’ Seakanyeng stampa mal-wieqfa filwaqt li f’risposta immedjata ta’ Pietà, xutt sabiħ ta’ Caetano għadda ftit barra. Wara dawn l-azzjonijiet ftit kien hemm tentattivi lejn il-lasta u kien fit-22 minuta li Vukovic xeħet ftit għoli minn qagħda tajba. Fit-38 minuta l-bilanċ inkiser għaliex f’azzjoni ta’ kontrattakk id-difiża ta’ Lija inqabdet fuq sieq waħda u JOSE LUCAS CAETANO avvanza u għeleb lil Bonnici b’xutt fil-baxx.

Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, daqqa ta’ ħarta għal Lija li kellhom lil Andrè White mkeċċi wara daħla kerha fuq Ghio. Iżda disa’ minuti wara Lija kisbu l-gowl tad-draw. Azzjoni fuq il-lemin bejn Cassar u Seakanyeng li qassam lejn ERJON BEU li minn żewġ passi ma żbaljax.

Fid-69 minuta free-kick ta’ Beu kien salvat minn Chircop u erba’ minuti wara taħwida fil-kaxxa ta’ Lija li bi ftit fortuna jeħilsu mill-periklu. Pietà bdew ikunu perikolużi l-iktar permezz ta’ Caetano li kien imċaħħad għal darba darbtejn minn Bonnici. L-aħħar minuti tal-logħba kienu assedju minn naħa ta’ Pietà fuq il-lasta avversarja iżda Lija żammew sa l-aħħar biex kisbu punt li jista’ jkun prezzjuż.