Lokali

Gvern fil-muta dwar il-wasliet tal-immigranti

200 immigrant f’ġimgħa…748 f’inqas minn 50 jum.

Jekk ix-xejra tippersisti, fl-2020 jidħlu aktar minn 6,000 immigrant f’pajjiżna.

U sadattant, skiet totali mill-Gvern. Aktar minn hekk, jidher li l-Gvern issa saħansitra qed jipprova jaħbi l-miġjiet tal-immigranti f’pajjiżna, u kien biss għax tkellmet il-media li sar magħruf li kienu ddaħħlu gruppi oħra ta’ immigranti fl-aħħar jiem.

Filfatt fl-aħħar ġimgħatejn, il-Gvern ma għamel l-ebda stqarrija dwar gruppi ta’ immigranti li ddaħħlu Malta. Skont sorsi li tkellmu magħna – għax anke hawn il-Gvern ma qal xejn – dawn l-immigranti ttieħdu ċ-Ċentru tal-Marsa.

L-aħħar stqarrija minn naħa tal-Gvern dwar wasliet ta’ immigranti intbagħtet fis-27 ta’ Jannar.

Minn dakinhar ‘l hawn daħlu 200 immigrant ieħor, imma l-Gvern ma ħareġ l-ebda komunikat lill-media dwar dawn il-wasliet ġodda u anke meta l-media provat titlob informazzjoni lill-Forzi Armati ta’ Malta dwar movimenti jew wasliet imminenti ta’ immigranti, sabet il-bibien magħluqa, bit-tweġiba spiss tkun biss li “qed nimmonitorjaw is-sitwazzjoni”.

Net News fl-aħħar xhur bgħat mistoqsijiet dwar in-numru ta’ immigranti li hawn fiċ-ċentri miftuħa iżda s’issa dawn baqgħu mhux imwieġba.

Mistosijiet dwar kemm minn dawn l-immigranti ġew fil-verità rilokati f’pajjiżi oħra Ewropej u li ntbagħtu b’mod uffiċjali u formali skont il-liġi dwar il-libertà tal-espressjoni, ġew miċħuda. Ir-raġuni mogħtija kienet li din l-informazzjoni ma tistax tingħata minħabba d-Data Protection. Risposta li tidher li aktar hija skuża milli raġuni, hekk kif aħna tlabna biss ċifri u mhux ismijiet jew informazzjoni personali.