Futbol Sport

Hibernians jibqgħu jsegwu lil Valletta u Floriana

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Rapport: George Cassar

HIBERNIANS………… 3

MOSTA………………….. 1

Hibernians: M. Calleja Cremona, L. Silveira, J. Wemmer, F. Apap, J. Mbong, G. Izquier, A. Agius, J. Grech (Jorge 72’), D. Vella, Tarabai (T. Tabone Desira 65’), I. Iriberri 

Mosta: A. Vella, C. Sumbane, D. Brown (Z. Brincat 72’), T. Farrugia, R. Morisco, M. Muchardi, T. Agius (L. Fromosa 90’), G. Aquilina, T. Yokochi, Weverton, C. Chaney,

Imwissija: R. Morisco 57’ (M), C. Chaney 67’ (M), T. Tabone Desira 73’ (H)

Tkeċċew: R. Morisco 57’ (M), L. Silveira 62’ (H)

Skorjaw: G. Aquilina 7’ (M), J. Grech 17’, J. Mbong 32’, I. Iriberri 80’ (H)

Referee: Etienne Mangion

Assistenti Referees: Alan Camilleri; Duncan Spencer

Il-Mument Plejer tal-logħba: Joseph Mbong (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Joseph Mbong (Hibernians)

Attendenza: 529

Hibernians komplew isegwu lil Valletta u Floriana meta kisbu l-punti massimi mill-konfront kontra Mosta f’logħba li kien fiha erba’ gowls u żewġ tkeċċijiet. Din ir-rebħa waslet wara li l-Pawlisti kienu waqqgħu l-punti fl-aħħar żewġ logħbiet tagħhom kontra Sirens u Senglea Athletic. B’dan ir-riżultat Mosta baqgħu f’nofs il-klassifika daqs Balzan u Ħamrun Spartans.

Mosta ħarġu tajjeb u kienu huma li skurjaw l-ewwel fis-seba’ minuta meta GABRIEL AQUILINA rċieva pass fil-baxx mingħand Christian Chaney u minn viċin il-penalty spot għeleb lil Matthew Calleja Cremona li lbieraħ ġie preferut fil-lasti mill-gowlkiper regolari Marko Jovicic.

Hibernians ħadu għaxar minuti biex laħqu lill-avversarji meta f’azzjoni mibdija minn Tarabai, JAKE GRECH avvanza waħdu u żerżaq il-ballun minn taħt il-gowlkiper Andreas Vella. Hibernians marru minn fuq ftit wara n-nofs siegħa logħob meta JOSEPH MBONG seraq il-ballun lil Rafael Morisco, avvanza u tefa’ wara l-gowlkiper Mosti.

Id-difensur Brażiljan ta’ Mosta kompla joħloq il-problemi lit-tim tiegħu meta qrib is-siegħa logħob waqqa’ bil-minkeb lil Jake Grech waqt li dan kien dieħel fil-kaxxa. Ir-referee Etienne Mangion urieh il-karta s-safra iżda l-plejer irreaġixxa billi ċapċap b’mod sarkastiku u ntwera ġustament t-tieni karta safra fi ftit sekondi u tkeċċa banalment.

Il-vantaġġ numeriku ta’ Hibernians dam biss ħames minuti hekk kif Leandro da Silveira waqqa’ lil Christian Chaney waqt li dan kien qed jiġri lejn il-lasta u minkejja li kien għadu ’l bogħod mil-lasta r-referee kkunsidra l-azzjoni bħala opportunità ta’ gowl u wera l-karta l-ħamra diretta lill-Brażiljan ta’ Hibs.

Kwarta mit-tmiem Andreas Vella wera l-abbiltajiet tiegħu meta ħareġ jagħlaq tajjeb il-ħarba ta’ Imanol Iriberri, imbagħad ġera lejn il-lasta biex dawwar f’korner ballun destinat għal ġewwa tas-sostitut Jorge Santos Silva.

Fl-istess minuta Hibernians laqtu l-wieqfa minn xutt ta’ Imanol Iriberri qabel għaxar minuti mit-tmiem il-Pawlisti għalqu l-logħba bit-tielet gowl. Joseph Mbong reġa’ kellu sehem meta beda azzjoni mal-lemin, qassam lejn is-sostitut Timothy Tabone Desira l-kross fil-baxx tiegħu ġab waħdu lil IMANOL IRIBERRI li skorja mill-qrib.

Din ir-rebħa terġa’ tibda tqawwi qalb l-Pawlisti li, wara t-telfa ta’ Floriana, issa resqu biss punt bogħod mit-tieni post.