Lokali Saħħa

Il-Kummissjoni Ewropea b’ultimatum għall-Gvern Malti

L-Unjoni Ewropea tixgħel il-bozza l-ħamra għall-Gvern Malti. Dan hekk kif ħeġġet lil Malta sabiex timplimenta programm xieraq ta’ kontroll għat-tniġġis tal-arja…  kważi sena wara li ma ntlaħqitx id-deadline. 

Rapport fit-Times of Malta jgħid li l-Kummissjoni Ewropea qalet li flimkien mar-Rumanija u Greċja, Malta għad trid tadotta l-ewwel pjan nazzjonali tagħha sabiex jitnaqqas it-tniġġis. Malta suppost bagħtet il-programmi tagħa għall-kontroll tat-tniġġis nazzjonali tal-arja lill-Kummissjoni sa April tas-sena l-oħra.

Malta ripetutament kienet tinsab fin-naħa ta’ fuq tal-lista ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn il-popolazzjoni qed tkun esposta għl tniġġis għoli tal-arja. 

Is-sena li għaddiet kien rappurtat kif l-imwiet minħabba kwalità tal-arja f’pajjiżna kienu aktar mid-doppju minn kif kien maħsub qabel… b’576 persuni jmutu qabel iż-żmien. 

Il-Gvern Malti issa ġie ordnat biex jibgħat il-pjan tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea kif meħtieġ mid-direttivi tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja.

Taħt din id-direttiva, l-Istati Membri huma obbligati li jfasslu, jadottaw u jimplimentaw programmi rispettivi tagħhom sabiex jillimitaw l-emissjonijiet annwali tagħhom. L-għan ta’ dawn id-direttivi hu li jintlaħqu livelli ta’ kwalità tal-arja li jillimitaw l-impatti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Peress li Malta baqgħet ma ressqet l-ebda pjan għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, il-Kummissjoi Ewropea ħarġet ultimatum ta’ xahrejn sabiex tressaq pjan adattat f’dan ir-rigward. 

Jekk il-Gvern Malti jonqos milli jagħmel dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tibda proċeduri legali fil-Qrati Ewropej tal-Ġustizzja.