Lokali

In-nies jixirqilhom Korp tal-Pulizija serju – Adrian Delia

“Il-Korp tal-Pulizija jinsab għaddej minn mumenti diffiċli fejn issa huwa evidenti li l-kultura ta’ impunità u protezzjoni tal-korrotti spiċċat therri din l-istituzzjoni tant importanti għal pajjiżna. In-nuqqas ta’ serjetà fit-tmexxija tal-Korp qegħdin ibatu għaliha ħafna pulizija onesti li jagħmlu xogħolhom u li qed jħossuhom ferm ittraduti mill-ftit fosthom.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM. 

Adrian Delia qal li wara dan l-iskandlu, l-Prim Ministru Robert Abela kien imissu jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Michael Farrugia, li taħtu bħala Ministru għall-Intern, seħħew dawn l-iskandli iżda minflok jieħu azzjoni baqa jiddefendih mhux bħalma għamel ma Justyne Caruana, meta Michael Farrugia jrid iġorr ir-responsabbiltà politika. Dan meta telgħu għal sebgħa r-riżenji fil-Korp, 25 l-uffiċjali sospiżi, 31 li qegħdin fuq police bail u 41 oħra li għadhom arrestati. Dan minbarra stejjer ta’ ħlasijiet minn taħt, theddid, tpattija serq u abbuż. Huwa qal li l-aħħar Kummissarju tal-Pulizija serva ta’ pupazz f’idejn il-Gvern u rrifjuta li jinvestiga nies viċin Joseph Muscat meta dawn ġew implikati fi stejjer gravi ta’ korruzzjoni u kriminalità. Għalhekk il-Gvern Laburista għandu jaċċetta l-proposta tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li l-ħatra tal-Kummissarju ġdid issir biż-żewġ terzi tal-Parlament biex ikun hawn kunsens.

Il-familji ma jistgħux jibqgħu jħallsu għas-serq tal-Ministri Laburisti biex jistgħanew kumpaniji barranin

Adrian Delia qal li se jibqa’ jiġġieled fil-Qorti biex it-tliet sptarijiet jingħataw lura lin-nies. Dan wara li fil-midja ġie żvelat kif il-poplu qed jibqa’ jinsteraq anke llum u n-nies spiċċaw jagħmlu tajjeb għad-djun tal-kumpaniji barranin li ma nvestew xejn. Hekk kif apparti l-konċessjoni ta’ €70 miljun, Steward iridu żieda ta’ madwar 9%, li tammonta għal €6.3 miljun. Huwa qal li l-poplu Malti u Għawdxi ma jgawdiex servizz ta’ saħħa aħjar, b’Ministri tal-Gvern responsabbli għas-serq ta’ miljuni ta’ ewro fis sena mill-flus tan-nies għal kumpaniji barranin.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li matul din il-ġimgħa, l-Partit Nazzjonalista kompla juri d-determinazzjoni tiegħu li jiġġedded biex ikun jista’ joffru alternattiva aħjar għall-gvern preżenti. Huwa rringrazzja lil Francis Zammit Dimech li b’sens ta’ responsabbiltà assuma l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali interim biex ir-riformi li hemm bżonn jitwettqu. Fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin se jidħlu fis-seħħ riformi biex il-PN jiġġedded u jerġa jsir partit tan-nies.