Wara l-ħasla papali li qala’ lbieraħ, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-laqgħa ma’ Pieter Omtzigt kienet waħda pożittiva.

Net News kien qed jistqasi lill-Ministru Bonnici wara li ftit sigħat qabel, Omtzigt, f’laqgħa mal-Prim Ministru u Owen Bonnici fost oħrajn, ikkritika b’mod qawwi lill-istess Bonnici li ma sar xejn mir-riformi mitluba mill-Venice Commision waqt li hu kien Ministru tal-Ġustizzja.
L-eks Ministru tal-Ġustizzja, illum Ministru tal-Edukazzjoni, qal li wara l-laqgħa mal-media kellu laqgħa itwal mal-MEP Olandiż li kienet pożittiva – xi ħaġa li żġur ma kinitx riflessa fil-laqgħa li għaliha kienet mistiedna l-Media.
Pieter Omtzigt kien qed jitkellem dwar ir-riformi tal-Kummissjoni Venezja – riformi li l-Kummissjoni talbet mill-Gvern ta’ Joseph Muscat lura fl-2018, wara li l-Kunsill tal-Ewropa għamel talba lill-istess kummissjoni għal rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Ir-rapport fi ftit kliem qal li Malta mhijiex tiffunzjona bħala demokrazija, għaliex, fost l-oħrajn f’pajjiżna m’hawnx separazzjoni tal-poteri, mhemmx kontroll kostituzzjonali fuq il-Qrati u mhemmx biżżejjed checks and balances, kif ukoll li s-sistema legali tagħna hija inkonsistenti mar-rule of law f’pajjiżna.
Ħadna l-opportunità nistaqsu wkoll lill-Ministru Bonnici jekk kienx involut fid-deċiżjoni dwar il-maħfra lil Yorgen Fenech. Mistoqsija li jidher li ħawditu xi ftit mhux ħażin.
Il-maħfra lil Yorgen Fenech kienet ġiet miċħuda mill-Kabinett immexxi minn Joseph Muscat, li sa dak iż-żmien kien għadu Prim Ministru.
//= $special ?>
