Lokali

L-ISKANDLU FIL-KORP: Michael Farrugia jidħaq flok jerfa’ r-responsabbiltà

Mhux moħħ wieħed kien hemm wara r-racket fil-korp tal-Pulzija, imma aktar. Dan hekk kif kull ma jmur qed jitfaċċaw aktar ismijiet u l-iskandlu qed ikompli jikber.

Imma f’wiċċ dan kollu f’opportunità oħra biex il-Ministru Michael Farrugia jgħid li se jerfa’ b’xi mod r-responsabbiltà mistennija minnu, hu baqa’ ma refax din ir-responsabbiltà. Minflok kien skomdu għall-aħħar bil-mistoqsijiet.

Issa, skont artiklu li deher fil-Malta Independent, ħareġ li l-ewwel rapport dwar dan ir-racket imur lura għal Ottubru tas-sena l-oħra, imma uffiċjali li kienu qed jinvestigaw dawn ir-rapporti, saħansitra ġew ordnati biex dan il-file jinjorawh.

Madankollu mistoqsi META rċieva l-ewwel rapport, ma kienx kapaċi jagħti imqar ħjiel ta’ data.

Fl-aħħar jiem wara li l-media kixfet struttura sħiħa ta’ abbuż, serq u theddid fil-Korp, rajna l-arrest ta’ għexieren ta’ uffiċjali tal-korp minn gradi differenti, riżenji u sospensjonijiet.

Minbarra s-Supretendent Walter Spiteri, li ismu hareg fil-media aktar kmieni din il-gimgha, sitt ufficjali ohra li għalqu 25 sena servizz fil-Korp irriżenjaw wara li ġew iffaċċjati bi provi li allegatament kienu qed jiffrodaw lill-Korp fi skema irregolari li ddur mal-extra duty li l-Pulizija tat-traffiku kienu jagħmlu waqt skorta ta’ trakkijiet, ġarr ta’ dgħajjes jew biex jikkontrollaw it-traffiku qrib siti ta’ kostruzzjoni jew proġetti infrastrutturali.

Skont storja li hargu t-TVM, wiehed mill-imħuħ wara din l-iskema kien is-Surġent Norman Xuereb, li mhux eskluż li fil-Qorti jiġi mixli wkoll b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

Apparti hu, kien hemm rizenji anke min-naħa tas-Surġenti Joseph Buhagiar u Frankie Sciberras, il-Maġġur Dunstan Camilleri u l-kuntistabbli Emanuel Pisani.

Imma minkejja dawn ir-riżenji,  u meta għexieren ta’ uffiċjali fil-Korp tal-Puliziija jinsabu bil-morale imkisser, dak li kien responsabbli minn dan kollu, cioè Michael Farrugia, minflok jerfa’ r-responsabbiltà u minflok jiskuża ruħu mal-uffiċjali responsabbli fil-korp, jidħol jidħaq fil-karozza tiegħu u jaħrab ‘l hemm.