Lokali

AĠĠORNATA: Il-proċess ta’ riforma fil-PN issa għal quddiem l-Assemblej tal-Kunsillieri

Preżentati l-emendi għall-istatut tal-PN u l-proposti għat-tiġdid tal-partit

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qabel li l-proċess ta’ riforma fl-istatut tal-PN jidħol fil-fażi li jmiss; issa l-konsultazzjoni se tmur quddiem numru ta’ Assemblej tal-Kunsillieri fejn se tissokta l-konsultazzjoni dwar l-abbozz li qed jitħejja.

L-Eżekuttiv qabel unanimament li bejn il-21 ta Frar u l-5 ta’ Marzu jibdew isir dawn il-laqgħat bis-sehem tal-Kunsillieri tal-partit fejn matulhom isiru diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-istatut il-ġdid li qed jipproponi Louis Galea, li tqabbad mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex imexxi ‘l quddiem ir-riforma interna fil-partit.

Waqt din il-laqgħa tal-Eżekuttiv, Louis Galea għamel preżentazzjoni dettaljata bil-linji gwida lill-membri tal-Eżekuttiv bħala familjarizzazzjoni mal-ideat tar-riforma, li għandhom iwasslu għall-abbozz finali tal-istatut.

L-Eżekuttiv qabel ukoll li l-abbozz tal-istatut, li se jkun fih lista sħiħa ta’ proposti għat-tiġdid tal-partit, jitressaq quddiem il-Kunsill Ġenerali tal-PN sal-aħħar ta’ Marzu.

Wara l-Kunsill Ġenerali f’Marzu jiskatta l-proċess tal-elezzjonijiet interni, fosthom dawk tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

AKTAR KMIENI

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN, ġie preżentat l-ewwel abbozz tar-riforma tal-PN illi issawret minn Louis Galea; il-persuna li ġie fdat mill-Kap tal-PN Adrian Delia biex imexxi din ir-riforma tal-Partit Nazzjonalista.

Fost l-oħrajn, qed tiġi proposta struttura imsaħħa għall-partit, li tkun tirrifletti l-bżonnijiet tallum.

Id-diskussjoni saret f’ambjent ta’ djalogu miftuħ u kostruttiv, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-membri kollha tal-Eżekuttiv.

Il-laqgħa tmexxiet mill-President tal-Eżekuttiv Alex Perici Calascione.

Preżenti l-Kap tal-PN Adrian Delia u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.

Din mhix l-ewwel darba li l-PN għaddej minn proċess ta’ riforma u bidliet; pass li huwa kruċjali għat-tiġdid tal-PN.

Intant, f’din l-istess laqgħa, ġie approvat b’vot unanimu Censu Galea bħala l-President il-ġdid tal-Kunsill Ġenerali tal-PN.