Futbol Sport

Mane jrebbaħ lil Liverpool f’Carrow Road

(Ritratt: EPA)

Liverpool komplew jersqu lejn l-ewwel kampjonat mill-1990 wara li tħabtu biex f’Carrow Road għelbu lit-tim tal-qiegħ Norwich bl-iskor ta’ 1-0. Din ir-rebħa kabbret is-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi ta’ Liverpool fil-Premier League għal 17-il logħba u jonqoshom biss ħames rebħiet biex jaċċertaw mill-kampjonat.

Wara li Lukas Rupp falla ċans tajjeb għal Norwich fl-ewwel taqsima u Alexander Tettey laqat il-lasta fit-tieni taqsima, Liverpool skorjaw il-gowl tar-rebħa 12-il minuta mit-tmiem. Minn ballun fit-tul tal-captain Jordan Henderson, Sadio Mane kkontrolla l-ballun fil-kaxxa u b’xutt b’saħħtu għeleb lil Tim Krul.

Fil-logħba l-oħra f’St. Mary’s Stadium, Burnley għelbu lil Southampton 2-1. Ashley Westwodd poġġa lil Burnley fil-vantaġġ wara żewġ minuti b’korner dirett, f’gowl li seta’ ġie evitat. Danny Ings ġab id-draw għal Southampton fit-18-il minuta b’xutt fil-baxx biex skorja t-18-il gowl f’dan l-istaġun. Burnley skorjaw il-gowl tar-rebħa mas-siegħa logħob meta Matej Vydra kkontrolla ballun fit-tul u b’azzjoni personali skorja b’xutt b’saħħtu.

Premier League

Ilbieraħ: Wolves v Leicester 0-0

Illum: Southampton v Burnley 1-2, Norwich v Liverpool 0-1

Għada: Aston Villa v Tottenham 3.00pm, Arsenal v Newcastle 5.30pm

It-Tnejn: Chelsea v Manchester United 9.00pm