Rapport: Luke Micallef
SANTA LUCIA ………. 0
SIRENS ………………… 2
Sta. Lucia: T. Aquilina, G. Bohrer Mentz, K. Correia, J. Mendoza (N. Micallef 34’), M. Maia, K. Ante Rosero (J. Walker 65’), D. Agius (A. Magri Overend 65’), F. Zuniga, J. Zerafa, P. Santos De Azevedo, L. Grech
Sirens: D. Cassar, R. Grech, W. De Oliveira (L. Grech 90’), R. Dos Anjos, E. Okoye, R. S. Faria (L. Memezes 89’), E. Herrera, A. Borg, I. Abdullahi, F. Cheveresan, T. Espindola
Imwissija: E. Okoye 10’, R. Grech 34’, E. Herrera 37’, A. Borg 90’ (S), M. Maia 25’ (SL)
Skorjaw: F. Cheveresan 5’, I. Adeshina 23’ (S)
Referee: Ishmael Barbara
Assistenti Referees: Roberto Vella, Darko Stankovic
Il-Mument Plejer tal-logħba: Flavio Cheveresan (Sirens)
BOV Plejer tal-logħba: Flavio Cheveresan (Sirens)
Wara li l-ġimgħa l-oħra Sirens tilfu tliet punti kontra Ħamrun Spartans, f’din il-logħba kontra Santa Lucia ħarġu bit-tliet punti u b’rashom mgħollija hekk kif faċilment rebħu bl-iskor ta’ 2-0. Sirens riedu rebħa sabiex jibqgħu mat-timijiet ta’ fuq biex ikomplu jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat, u Santa Lucia riedu tliet punti li baqgħu ma waslux biex jinqatgħu miż-żona ta’ relegazzjoni. Fil-logħba tal-ewwel rawnd bejn dawn iż-żewġ timijiet, kien it-tim minn San Pawl il-Baħar li ħareġ fuq in-naħa rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
Fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota, Sirens fetħu l-iskor. Kien propju fil-ħames minuta li minn clearance ħażina ta’ Santa Lucia, il-ballun spiċċa f’saqajn FLAVIO CHEVERESAN li tefa’ għall-ewwel darba wara Timothy Aquilina. Fit-13-il minuta, minn kross ta’ Thiago Espindola, il-ballun spiċċa għand Cheveresan u għadda ftit barra. Għaxar minuti wara fi triangulazzjoni tajba bejn Ricardo Faria Silva u Emmanuel Okoye, il-ballun għadda għand IGE ADESHINA li faċilment tefa’ fix-xibka għal vantaġġ doppju.
Fl-40 minuta Farid Zuniga rċieva minn free-kick, iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi barra. Fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel taqsima, Cheveresan ta daqqa ta’ ras b’saħħitha bil-gowlkiper megħlub għal kollox, iżda sab lil Jamie Zerafa attent u qala’ minn fuq il-linja bir-ras dak li deher gowl ċert. Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, David Cassar dawwar f’korner b’diffikultà xutt minn free-kick ta’ Leighton Grech.
Fil-85 minuta, minn quddiem il-lasta Cheveresan spara għoli. Żewġ minuti wara Santa Lucia pruvaw joħolqu reazzjoni permezz ta’ xutt ta’ Jacob Walker li spiċċa mdawwar f’korner minn Cassar. Fid-90 minuta xutt minn free-kick ta’ Maxuell Maia għadda ftit barra. L-isforzi ta’ Santa Lucia ma wasslu għall-ebda gowl, b’Sirens jikkontrollaw l-aħħar mumenti tal-partita.
//= $special ?>