Sport Waterpolo

Sliema, Exiles u San Ġiljan jibdew l-Enemed Cup b’rebħa

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: Stewart Said

Bidu pożittiv għal Sliema Frank Salt li meritatament għelbu lil Sirens Greentube 9-3. Is-Slimiżi bl-iskwadra kważi kollha b’eċċezzjoni tal-imweġġa’ Michael Spiteri Staines, kienu aktar b’saħħithom u nqatgħu minn mal-avversarji wara l-mistrieħ. Sirens jinsabu f’mument ta’ tranżizzjoni, b’Marko Orlovic jagħmel id-debutt bħala kowċ ta’ Sirens flimkien mal-eks Neptunes Ken Erdogan u Matthias Azzopardi. Sliema kellhom lill-gowlkiper Nicky Grixti li għamel id-debutt u John Brownrigg li rritorna mal-klabb.

Sliema bnew vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni minn Mark Meli u Jerome Gabarretta, b’Sirens jirkupraw l-iżvantaġġ sa tmiem is-sessjoni permezz ta’ Matthias Azzopardi u Isaiah Riolo. Jerome Gabarretta u l-eks John Brownrigg daħħlu lil Sliema 4-2 minn fuq. Gabarretta skorja tripletta fit-tielet sessjoni, b’Matthew Sciberras jagħmel l-iskor parzjali 6-3 u fl-aħħar sessjoni kienu Zach Mizzi u Nicholas Bugelli li għamlu l-iskor finali 9-3.

Exiles Elia Caterers kisbu rebħa importanti meta għelbu lit-tim żagħżugħ ta’ Neptunes Leo Vegas 9-8. It-tim ta’ Neptunes kien kompletament mibdul minn dak li spiċċa l-Kampjonat tas-Sajf. Stevie Camilleri, Jeremy Abela u Jake Muscat qed jilagħbu barra minn Malta, Jordan Camilleri hu mweġġa’ filwaqt li Niki Lanzon, Ken Erdogan u Matthias Azzopardi ħallew il-klabb.

Exiles kellhom vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel sessjoni iżda reazzjoni minn Neptunes wasslet biex naqqsu d-distakk għal 4-3 fit-tieni sessjoni b’gowls ta’ Gabriel Pace, Alec Fenech u Mark Castillo. Neptunes kellhom inaqqsu d-distakk għal gowl darbtejn fit-tielet sessjoni. Fl-aħħar sessjoni, Exiles dehru li għalqu l-logħba b’vantaġġ ta’ 8-6 iżda doppjetta ta’ Nikolai Zammit għamel l-iskor indaqs. Kien Timmy Sullivan li skorja l-gowl tar-rebħa.

Intant fl-ewwel logħba tal-ġurnata, San Ġiljan TUM Invest ftit tħabtu biex għelbu lil Marsaskala Fish and Fish 14-1. Dan kien id-debutt għal Dorian Pisani fit-tmexxija ta’ San Ġiljan, proprju kontra t-tim li s-sena l-oħra rebaħ miegħu l-kampjonat u n-knock-out tal-Ewwel Diviżjoni. San Ġiljan mingħajr Matthew Zammit li qed jilgħab fil-kampjonat Taljan, rebħu l-ewwel sessjoni 5-0 u kkontrollaw mingħajr diffikultà tul il-partita. Marsaskala skorjaw l-uniku gowl tagħhom fil-bidu tal-aħħar sessjoni permezz ta’ Liam Grixti.

SAN ĠILJAN TUM INVEST………. 14 M’SKALA FISH AND FISH…….. 1

(5-0), (2-0), (2-0), (5-1)

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti (1), A. Galea (2), B. Grech (1), M. Mannino, B. Plumpton (3), M. Ortoleva (1), J. Bonavia (2), T. Said, Da. Zammit, P. Fava (2), Di. Zammit (2), G. Vassallo, Z. Micallef, J. Portelli

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Vella, P. Privitera, M. Aquilina, L. Grixti (1), J. Licari, M. Manara, K. Navarro, N. Gatt, D. Camilleri, M. Borg, J. Erdogan

Referees: Peter Balzan, Richard Magri

SLIEMA FRANK SALT………… 9 SIRENS GREENTUBE………….. 3

(2-2), (2-0), (3-1), (2-0)

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (5), N. Saliba, J. Sciberras, M. Meli (1), B. Cachia, G. Sammut, M. Carani, J. Brownrigg (1), D. Fenech, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), M. Vassallo, R. Greco, J. Saliba

Sirens: G. Galea Curmi, J. Ciantar, K. Erdogan, G. Melillo, J. Zerafa Gregory, G. Farrugia, L. Falzon, I. Riolo (1), J. Napier, G. Sammut, M. Azzopardi (1), M. Sciberras (1), L. Grech Carr, M. Chircop, M. Cutajar

Referees: Massimo Angileri, Alex De Raffaele

EXILES ELIA CATERERS……… 9 NEPTUNES LEO VEGAS………. 8

(3-0), (1-3), (2-2), (3-3)

Exiles: M. Castillo, J. Bajada (1), A. Magri, P. Paris (1), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro (1), M. Fenech (3), K. Griscti, N. Paris (1), A. Cousin (1), S. Apap

Neptunes: A. Borg Cole, J. Spiteri Staines (1), J. Farrugia, G. Pace (2), M. Martellacci, M. Castillo (1), L. Calleja, S. Busuttil, S. Gialanze, N. Zammit (3), A. Fenech (1), M. Farrugia, A. Bugeja, L. Gialanze, J. Cachia

Referees: Peter Balzan, Ronnie Spiteri