Lokali

Tħassib mill-IMF fuq is-sistema finanzjarja u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna

Il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, ħeġġeġ lill-Gvern Malta sabiex jindirizza n-nuqqasijiet fil-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fi żmien adegwat. 

Jekk il-Gvern jonqos milli jagħmel dan, dan jista’ jirriżulta f’diffikultajiet miżjuda marbuta ma’ relazzjonijiet bankarji korrispondenti għall-banek lokali, ħsara lill-attrazzjoni tal-pajjiż għall-investiment, kif ukoll ħsara fuq l-istabbiltà finanzjarja ta’ pajjiżna.

Dawn l-istqarrijia tal-IMF ġew ippubblikati nhar il-Ġimgħa fid-Dikjarazzjoni Konklussiva tal-Fond, li ddeskriviet is-sejbiet preliminari tal-missjoni uffiċjali annwali tal-organizzazzjoni f’Malta. 

In-nuqqas ta’ indirizz ta’ dawn in-nuqqasijiet identifikati mill-IMF jista’ jesponi riskji għas-sistema finanzjarja u għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Potenzjalment dan jista’ jwassal għal diffikultajiet fil-pagamenti ta’ ħlasijiet kif ukoll pressjonijiet fuq setturi relatati tal-ekonomija. Għalhekk l-enfasi għandha tkun fuq it-titjib u l-effettività ta’ dan il-qafas. Huwa importanti wkoll li l-azzjonijiet ta’ infurzar fil-ħasil ta’ flus ikunu msaħħa.

Sfida oħra kienet il-fatt li t-tkabbir ekonomiku bbaża ruħu fuq l-influss kbir ta’ ħaddiema barranin f’pajiżna. Dan qiegħed iżid il-pressjoni fuq l-akkomodazzjoni, l-infrastruttura u r-riżorsi naturali ta’ pajjiżna. Għalhekk l-organizzazzjoni rrakkomandat riformi strutturali sabiex tiġi indirizzata din il-problema fosthom li aktar nisa u anzjani jkunu mħajra li jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol.

Kien enfasizzat ukoll li titjib fil-governanza għandu jissalvagwardja l-klima tan-negozju f’pajjiżna u l-attrazzjoni tagħha għall-investiment barrani.

Tags