Lokali

28 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Ġemgħa sabiħa nġabret għal darb’oħra quddiem il-bini tal-Qorti biex tkompli titlob li ssir ġustizzja 28 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fid-diskorsi, ma naqasx l-appell biex il-Prim Ministru Robert Abela jieħu passi fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici, li minn Ministru tal-Ġustizzja issa nħatar Ministru tal-Edukazzjoni.

Alessandra Dee Crespo rreferiet għall-aħħar żviluppi fil-Korp tal-Pulizija u l-iskandlu li laqat lis-Sezzjoni tat-Traffiku. Filwaqt li faħħret lill-membri tal-Korp li qatt ma tħammġu, qalet li dan il-każ hu ħolqa oħra fil-katina tal-impunità ta’ dan il-Gvern. Hi appellat biex tinħatar Inkjesta Pubblika u Indipendenti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

André Delicata qal li pajjiżna jinsab f’sitwazzjoni bla tama u fi ħtieġa kbira li jittieħdu l-passi urġentament għax il-ġustizzja qed iddum biex tittieħed għal tal-apposta. Fakkar kif is-Soċjetà Ċivili kienet strumentali biex irriżenjaw nies bħal Joseph Muscat u Keith Schembri. Issa, jibqa’ l-għan wieħed li tirbaħ il-ġustizzja, kontra l-impunità u l-korruzzjoni.

Iż-żagħżugħa Tiziana Aljasem qalet li minkejja li għaddew dawn ix-xhur kollha, bqajna ma rajniex titjib fil-proċess tal-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Kompliet li parti mit-tort li pajjiżna spiċċa fil-kriżi li jinsab fiha hi ta’ Joseph Muscat u sħabu, filwaqt li staqsiet għaliex irriżenja jekk jgħid li mhu ħati ta’ xejn.

U George Mallia qal li meta wieħed jiftakar li għaddew dawn ix-xhur kollha u għadna nistennew għall-ġustizzja, tajjeb li wieħed jibqa’ jfakkar biex ma jinsiex. Filwaqt li nnota kif l-attakki fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia kienu koreografati mit-tmexxija Laburista, qal li issa hemm min qed jipprova jixtri r-realtà b’ċekk ta’ 35 ewro – b’referenza għaċ-ċekk li l-Gvern qed jibgħat f’dawn il-jiem suppost biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

Fi tmiem l-attività tkanta l-Innu Nazzjonali u tpoġġew xemgħat f’riġlejn il-mafkar, quddiem il-Qorti. Minn hemm, il-ġemgħa mxiet għall-Pjazza ta’ quddiem il-Parlament fejn talbet għar-riżenja tal-Ministru Owen Bonnici.

Preżenti magħhom, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech u għadd ta’ Deputati tal-Partit Nazzjonalista.