Lokali

“Bżonn li l-PN jerġa’ jissaħħaħ f’oppożizzjoni b’saħħitha”

“Irridu nibqgħu maqgħudin wara l-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jissaħħaħ u Malta jkollha oppożizzjoni b’saħħitha għall-qadi ta’ pajjiżna.”

Kien dan il-messaġġ komuni li kull kelliem wassal waqt id-diskors tagħhom fil-laqgħa li saret il-Ħadd ġewwa il-każin tal-Partit Nazzjonalista, f’Ħaż-Żabbar.

L-ewwel kelliem kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech fejn stqarr li l-ħatra tiegħu saret fi żmien diffiċli iżda jara l-akbar opportunitajiet fl-isfidi li jiġu quddiemu.

Is-Segretarju Ġenerali qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jkun it-tarka tal-verità, tal-ġustizzja, governanza t-tajba u tan-nies biex ikunu l-vuċi tan-nies għal Malta aħjar

Il-kelliem għall-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa, Stephen Spiteri qal li l-Gvern Laburista qed ikompli jinjora it-talba tal-poplu Malti waqt li fakkar fil-kuntratt tal-Vitals li serqu lill-Maltin u Għawdxin.

Fid-dawl ta’ dan, Spiteri qal li l-Oppożizzjoni ma tikritikax għalxejn iżda minħabba li entità bħal Vitals qed tisraq lil Maltin mingħajr ma sar l-ebda investiment. B’hekk, hu saħaq li s-saħħa pubblika għandha titmexxa mill-Gvern u mhux minn entità privata li fl-interessi tagħha għandha biss butha.

Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista hu favur il-poplu u kontinwament qed jaħdem fejn tidħol is-saħħa, fosthom proposti għall-isptar ġdid tas-saħħa mentali u biex tiżdied ir-riċerka dwar il-kanċer.

Min-naħa tiegħu l-minority leader tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Venera, Darren Carabott tkellem favur għaqda għal Partit f’isem iż-żgħażagħ. Hu saħaq li hemm bżonn li l-Partit joffri alternattivi għal problemi li pajjiżna qed jaffaċja.

Carabott ħeġġeġ biex tkompli l-ħidma ‘l quddiem favur il-Partit internament biex flimkien jaħdmu f’Oppożizzjoni għal poplu Malti u Għawdxi.