Lokali

Chris Cardona jisfida lil Robert Abela u jattendi xorta għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja

Chris Cardona sfida lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u attenda xorta għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja fil-Kwartieri tal-Partit.

Dan meta fl-aħħar sigħat, Abela kien taħt pressjoni kbira biex ineħħi lil Cardona, kif ukoll biex jisfurzah jirriżenja mill-Parlament u minn Deputat Mexxej tal-Partit.

U għax l-isfida fil-Partit Laburista hi miftuħa beraħ, it-tmexxija qatgħetu għalkollox mil-lista ta’ kelliema tal-Konferenza Ġenerali … xi ħaġa mhux soltu meta wieħed iqis li Cardona hu d-Deputat Mexxej responsabbli mill-Affarijiet tal-Partit.

Min-naħa l-oħra, Louis Grech, Edward Zammit Lewis, José Herrera, Owen Bonnici u Deo Debattista huma l-aktar voċiferi fost dawk li qed jagħmlu pressjoni fuq il-Prim Ministru biex iġiegħel lil Chris Cardona jirriżenja immedjatament.

Iżda għalkemm konxju minn dan kollu, id-Deputat Mexxej għażel li jisfida lill-kumplament tat-tmexxija u attenda għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja, fejn spikkat l-arja ta’ konfużjoni fost id-Delegati preżenti.