L-iskandlu tal-overtime fit-Taqsima tat-Traffiku fil-Korp tal-Pulizija, li ġiet deskritta bħala mafjuża, hija sitwazzjoni mwiegħra mmens għaliex dawk fl-ogħla karigi ma jridux jerfgħu ebda nitfa responsabbiltà u jridu jfarfruha fuq ħaddieħor.
Iddikjara dan l-editorjal tal-Malta Independent on Sunday li jirreferi b’mod speċjali għall-Ministru tal-Enerġija, Michael Farrugia, li taħt id-dekasteru tiegħu kien jaqa’ l-Korp tal-Pulizija meta seħħew dawn il-każijiet.
L-iskuża pwerili li ġab Farrugia li ordna investigazzjoni b’dak li qal il-whistleblower ġiet innutata mill-editorjal iżda jiddikjara li din mhix biżżejjed u għalhekk il-Ministru tal-Enerġija għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-iskandlu u jirriżenja minnufih.
L-editorjal jinnota kif dan l-iskandlu għamel ħerba mir-reputazzjoni mxaqqa’ li diġà kellu l-Korp tal-Pulizija, possibbilment darba għal dejjem.
Jiddikjara wkoll li Michael Farrugia għandu jirriżenja anke għaliex fiż-żmien li kien Ministru, il-Korp naqas milli jieħu azzjoni fuq numru ta’ skandli ta’ korruzzjoni fil-Gvern, fuq ir-rapport żvelati tal-FIAU li jippuntaw l-ogħla uffiċjali tal-Gvern implikati f’ħasil ta’ flus u fuq nies li ndaħħlu fl-investigazzjonijiet tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia mingħajr ma ġew imressqa l-Qorti.
Din it-talba ta’ riżenja tgħodd ukoll għall-eks Kummissarju, Lawrence Cutajar, li ħa konsulenza mal-Gvern.
Fid-dawl ta’ dan, l-editorjal jisħaq li l-Prim Ministru Robert Abela jrid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jfisser kif it-tolleranza żero għall-koruzzjoni għandha ġġib riżenji, li dawk involuti jitressqu quddiem il-Ġustizzja u li l-Korp jitnaddaf mill-qiegħ minn dan il-ħmieġ.
Dan waqt li jiddirkjara li kieku l-Korp tal-Pulizija kien baqgħalu farka kredibbiltà, din sfaxxat fix-xejn bl-iskandlu żvelat fit-Taqsima tat-Traffiku tal-istess Korp, skandlu li kapaċi jinfirex fuq taqsimiet oħra.
Is-sitwazzjoni hija tant iwiegħra għaliex dawn l-atti kriminali allegatament twettqu minn tal-anqas 40 uffiċċjal li taħt ġurament ħalfu li jħarsu l-liġijiet tal-pajjiż mingħajr biża’ jew favur u meta suppost huma ta’ eżempju għall-bqija tal-poplu kollu.
L-editorjal kompla jgħid li huwa ta’ għajb kif b’għemilhom, dawn l-uffiċjali tefgħu f’dell ikrah lill-kumplament tal-uffiċċjali bieżla l-oħra fil-Krop li jżommu sod quddiem tentazzjonijiet korrotti.
Il-Malta Independent appellat lill-Gvern sabiex jagħmel eżami ħolistiku u b’għemilu jara li dan il-ħmieġ mafjuż ma jerġax jiġi jiġri, billi fost l-oħrajn jiżdiedu l-pagi tal-uffiċjalim ħalli ma jaqgħux għan-nasba korrotta u bili jsir eżami intern tas-sistemi prattiċi għaliex ovvju li dawn is-sistemi fallew li jidentifikaw l-abbużi.
Għadu mhux magħruf jekk il-Prim Ministru kienx konxju b’dan il-każ meta ħabbar ir-riforma kif jinħatar il-Kummissarju iżda l-editorjal temm jappella lill-Kummissarju l-ġdid sabiex ikollu l-kuraġġ jieħu deċiżjonijiet iebsa, iżda kuraġġużi, biex b’ miraklu jsalva lill-Korp.
//= $special ?>