Internazzjonali

Il-Coronavirus fiċ-Ċina : Ir-rata tal-infezzjonijiet ġodda tonqos għat-tielet jum konsekuttiv

L-awtoritajiet Ċiniżi ħabbru ‘it-tielet tnaqqis konsekuttiv (fuq l-istess numru ta’ ġranet)’ fil-każi ġodda ta’ infezzjoni bil-coronavirus f’dan il-pajjiż.

Dan meta ċ-Ċina rrappurtat 2,009 każi ġodda tal-coronavirus, b’142 mewta ġdida  oħra (mill-virus) tul l-Istat.

It-tnaqqis fir-rata tal-infezzjoni qed jidher li qabad ritmu konsistenti mindu, f’nofs il-ġimgħa, kien  daħal rapport dwar ‘qabża fil-każi tal-virus’.

B’kollox, ‘il fuq minn 68,000 spiċċw infettati fiċ-Ċina, bil-mejtin mill-epidemija, sal-bieraħ, ikunu konfermati madwar l-1,665.

Barra ċ-Ċina hemm ‘il fuq minn 500 każ tal-coronvirus fi kważi 30 pajjiż.

Intant, il-kelliema għall-Kummissjoni tas-Saħħa Nazzjonali fiċ-Ċina qalu li ‘qed iħallu impatt’ il-miżuri min-naħa tal-Istat biex jimminimizzaw l-impatt tal-coronavirus.

Sadanittant, it-Tajwan irrapporta l-ewwel każ tal-mewt b’kaġun ta’ infezzjoni minn din il-marda. Il-vittma kien raġel ta’ ‘il fuq minn 60 sena li ma kienx ivvjaġġa barra l-pajjiż iżda kien ibati mid-dijabete u forma ta’ ħepatite.

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, faħħar il-mod kif iċ-Ċina rreaġiet għall-epidemija u sostna li ‘dan il-pajjiż rebaħ iż-żmien għad-dinja biex tfassal il-kontro-miżuri effettivi għall-firxa tal-coronavirus’.

Fl-aħħar sigħat, iċ-Ċina imponiet aktar restrizzjonijiet għas-60 miljun resident li qed jgħixu fi stat ta’ lockdown fil-provinċja ta’ Hubei – l-epiċentru tal-coronavirus.

Dan meta mietu erba’ oħra bil-coronavirus barra ċ-Ċina – bil-każi jseħħu, rispettivament, fi Franza, Hong Kong, il-Filippini u l-Ġappun.

Fi żviluppi oħra, l-ammont ta’ nies li testjaw pożittiv għall-virus fuq il-vapur tal-cruises Diamond Princess ilbieraħ tela’ għal 355. Il-vapur inkwistjoni ilu l-jiem jinżamm fi kwarantina ‘il hinn mill-kosta tal-Ġappun.