Lokali

Jgħid li “m’hemmx lok ta’ responsabbiltà” minkejja l-iskandlu fil-Pulizija

Minkejja l-fatti ċari li diġà ħarġu fil-beraħ fl-aħħar skandlu marbut mal-Korp tal-Pulizija, għall-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela m’hemmx lok li tintrefa’ responsabbiltà politika.

Hu kien mistoqsi dwar dan minn NET News qabel ma daħal fil-Kwartieri tal-Partit għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja, b’diskors li dam aktar minn siegħa u kwart.

Diskors ikkaratterizzat minn dawk li Robert Abela sejjaħ bħala suċċessi politiċi tal-Partit Laburista, għalkemm ħarab milli jsemmi l-għadd ta’ skandli li ħakmu lill-Gvern ta’ Joseph Muscat fiż-żmien meta l-istess Abela kien Konsulent tiegħu f’Kastilja.

Fosthom l-aħħar skandlu li ħareġ fil-pubbliku – dak marbut mal-Korp tal-Pulizija. U minkejja li dak li kien Ministru responsabbli mill-Korp reġa’ ntagħżel Ministru minn Abela, il-Prim Ministru tenna għal darba darbtejn li ma jarax lok li xi ħadd jerfa’ responsabbiltà politika.

Minflok, hu qal li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu sew, ladarba għaddejjin dawn l-investigazzjonijiet. Li ma qalx il-Prim Ministru kien li fil-verità, dawn l-investigazzjonijiet setgħu jibdew biss għax kien hemm whistleblowers li żvelaw l-iskandli u mhux għax l-istituzzjonijiet għamlu xogħolhom.

Sadanittant, matul id-diskors tiegħu, Robert Abela qal li fl-istorja tiegħu, il-Partit Laburista ħa deċiżjonijiet li biddlu wiċċ il-pajjiż. Madankollu, hu fl-ebda ħin ma semma’ li l-Partit tiegħu ħadem qatta’ bla ħabel kontra l-aktar deċiżjooni li biddlet għall-ġid wiċċ pajjiżna – is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

U filwaqt li ftaħar kemm-il darba li l-Partit tiegħu hu wieħed żagħżugħ u modern, irrikorra mill-ġdid għas-slogan tas-snin 70 mill-Perit Mintoff, li “Malta l-ewwel u qabel kollox”.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne dawwar il-kanuni tiegħu lejn it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, aktarx għax konxju li n-nies qrib Muscat ħadmu bis-saħħa kontrieh u favur Robert Abela fil-ġlieda għal-Leadership Laburista.

Hu ċanfar il-fatt li taħt Muscat, il-Gvern Laburista ma kienx kapaċi jaqbad il-barri minn qrunu mill-ewwel meta sab f’ħoġru diversi skandli seħħew.