Knisja Lokali

Kardinal ġdid Malti?

Għadu mhux ċar jekk iż-żjara tal-Papa f’pajjiżna hux se ddum aktar minn jum wieħed biss.

Net News bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Kurja tad-Djoċesi Maltija fejn tlabna konferma għal dan iżda bqajna bla tweġiba. Saqsejna wkoll jekk il-Papa hux se jħabbar min se jkun l-Isqof il-Ġdid tad-Djoċesi ta’ Għawdex, iżda dwar dan il-Kurja naqset ukoll milli twieġeb.

Sorsi tagħna qalulna li ż-żjara tal-Papa f’pajjiżna għandha ħafna skopijiet u wieħed minn dawn huwa dak li jħabbar Kardinal ġdid Malti. Dwar dan saqsejna lill-Kurja iżda wkoll bqajna bla tweġiba.

Li nistgħu nikkonfermaw huwa li l-Papa mistenni jżur l-immigranti li jinsabu f’pajjiżna. Xi ħaġa li kienet mistennija ferm hekk kif fiż-żjarat li wettaq il-Papa fil-Mediterran dejjem għamel mezz li jżur xi kamp tal-immigranti, nieħdu eżempju biż-żjara spontanja li wettaq f’Lampedusa fl-2013.

It-tema magħżula għal din iż-żjara tiegħu fostna hi: “ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”. Silta li tinsab fl-Atti tal-Appostli fejn fiha naraw iż-żjara ta’ San Pawl fostna. L-appell għal din it-tema huwa ta’ riflessjoni għal dak li l-Maltin wettqu f’din il-ġrajja. Ospitalità u ħlewwa li bdiet minn San Publju meta’ laqa’ għandu lil dawk kollha li kienu fuq il-ġifen, u kompliet bil-bqija tal-poplu Malti.

It-tħabbira uffiċjali ta’ din iż-żjara tħabbret f’Jum l-10 ta’ Frar fil-Belt Valletta, wara quddiesa li ġiet iċċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Huwa kien qal li l-Papa Franġisku laqa’ l-istedina li saritlu mill-President, l-Awtoritajiet u l-Knisja Kattolika tal-Pajjiż, u ser jagħmel Vjaġġ Appostoliku f’Malta u Għawdex li se jibda mill-Ħadd 31 ta’ Mejju.