Keith, Cardona, Joseph ix-Xiħ u Valletta l-Oħxon – Dawn huma uħud mill-ismijiet imsemmija fir-recordings ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech li gew ippreżentati fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Mix-xhieda ġuramentata ta’ Melvin Theuma meta kien mistoqsi dwar ċerti dettalji, insiru nafu kif Yorgen Fenech kien qiegħed jiġi mtarraf sew minn Keith, b’riferenza għal Keith Schembri, l-eks-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru, Joseph Muscat, b’informazzjoni sensittiva, tant li kien ikun aġġornat dwar l-aħħar żviluppi importanti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’recording ieħor, Fenech instema’ jgħid lil Theuma li Keith Schembri, li kien qal lil Fenech li l-Pulizija kienu jaf min qatel lil Daphne, saħansitra mar jitkixxef għand Mizzi, b’riferenza għall-Imħallef Antonio Mizzi, ir-raġel tal-eks MEP Laburista Marlene Mizzi, dwar il-ħelsien mill-arrest tal-esekuturi tal-assassinju f’isem ix-Xiħ, mingħajr ma jsemmi isem Joseph Muscat, u anki li l-Koħħu tkellem mal-Pulizija dwar il-Maħfra Presidenzjali.
Kien hawn li Theuma beża’ li se jeħel ta’ kollox, peress li ħadd mill-esekuturi ma kienu jafu b’Yorgen Fenech, u anki għaliex l-eks uffiċjal tas-sigurtà ta’ Joseph Muscat, Kenneth Camilleri, il-mibgħut ta’ Keith Schembri, infurmah li huwa kien il-mandant tal-assassinju filwaqt li kien għaddielu messaġġ għall-esekuturi biex jgħidilhom li kienu se jieħdu l-ħelsien mill-arrest u €1 miljun kull wieħed.
Il-ħbiberija ta’ Yorgen Fenech u Keith Schembri tant hija ppreżentata bħala waħda kbira minn Theuma li f’parti ta’ recording, Fenech jgħidlu li meta Daphne Caruana Galizia żvelat li Keith Schembri kellu kanċer f’Diċembru 2016, din kissret lill-eks Chief of Staff. F’parti oħra, Yorgen qal lil Theuma li meta nforma lil Keith b’dak kollu li ġara, Schembri kesaħ, ippanikja u ċanfru għaliex messu mar għandu qabel għamel li għamel.
Fir-recording, Melvin Theuma jsemmi ukoll id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Cardona, hekk kif Yorgen Fenech kien infurmat li fil-baħar, biswit it-tinda tal-patata fil-Marsa, waqt ir-rejd li sar f’Diċembru 2017, kien instab mowbajl li fuqu kien hemm biss in-numru ta’ Cardona.
Ix-Xiħ, ħadd ħlief l-eks Prim Ministru Laburista, Joseph Muscat, jissemma għall-ewwel darba minn Yorgen Fenech b’dan il-mod: “Qalli dawn waslu ta. Għax qalli mitt darba ħa jaqbduha. Indannati kienu b’Joseph b’kollox.” Meta darba Theuma staqsa lil Fenech biex ikellem lil Joseph Muscat dwar il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest tal-esekuturi, qallu “Ma Tarax!”
Isem Muscat u Owen Bonnici ssemmew ukoll f’kuntest ta’ laqgħa, possibbilment tal-Kabinet, li fiha ġiet diskussa l-Maħfra Presidenzjali tal-Koħħu fuq informazzjoni li jagħti dwar 7 omiċidji oħra, apparti ta’ Daphne. “Ix-Xiħ qailhom li jekk mhumiex 100% ċerti, ma jista’ jagħmillhom xejn.” Dan ifissier li Yorgen Femech kien aġġornat minn Keith dwar dak li kien qiegħed jiġi diskuss ukoll għaliex kien ikun preżenti.
Intant, Silvio Valletta, irreferut bħala Valletta l-Oħxon, kien punt ta’ referenza ieħor għal Yorgen Fenech, fiż-żmien li kien imexxi l-investigazzjonijiet tal-assassinju. Il-ħbiberija tant kienet intima li l-Pulizija sabet filmat ta’ Valletta jitbellah fir-Roll’s Royce ta’ Fenech, siefru flimkien jaraw il-finali taċ-Champions League fi Kjev u taċ-Chelsea fi Stamford Bridge.
L-avukat Jason Azzopardi staqsa lil Melvin Theuma, dwar parti oħra mir-recording fejn hemm referenza għal Valletta, meta jirreferi għal meta Yorgen Fenech jgħid li xi ħadd, probabbilment Schembri kien qed iċempillu inkwetat, saħansitra fit-3am, dwar li kien għaddej. Yorgen Fenech imbagħad jgħid li kien iċempel lil Valletta biex jara x’inhu jiġri fil-każ.
//= $special ?>