Internazzjonali Lokali

L-Iraq: L-ebda vittmi f’attakk fuq bażi taħt tmexxija Amerikana

Il-kwartieri-ġenerali tal-koalizzjoni militari taħt tmexxija Amerikana fl-aħħar sigħat intlaqtet minn xita ta’ missili f’attakk li ma ħalla l-ebda vittmi. Il-kwartieri jinsabu fil-kapitali, Baghdad, u dan kien l-aħħar f’sensiela ta’ attakki fuq il-faċilitajiet tal-Istati Uniti fl-Iraq li ilhom għaddejjin għal ġimgħat.

L-Istati Uniti qed takkuża lill-gruppi tal-paramilitari (fl-Iraq) li jappoġġjaw lill-Iran għall-bumbardamenti regolari bir-rokits li qed isiru fuq il-bażijiet fit-territorji Iraqqin li jżommu lill-qawwiet Amerikani. Akkuża oħra hi li l-paramilitari qegħdin jattakkaw ukoll liz-zona fil-madwar tal-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Baghdad.

Matul ix-xahar li għadda, il-kumpless tal-Ambaxxata Amerikana f’Bagdad kien spiċċa milqut waqt attakk partikulari. Dan wara li kuntrattur ċivili Amerikan, f’Diċembru, spiċċa maqtul meta niżlet burraxka ta’ rokits għal fuq bażi militari lejn it-Tramuntana tal-Iraq.

Waqt li ħadd ma assuma responsabbiltà għal dawn l-attakki, l-azzjonijiet inkwistjoni qed jirriflettu t-tensjoni akuta tal-aħħar xhur bejn l-Iran u l-Gvern tal-President Amerikan Donald Trump.