Internazzjonali

Renju Unit: Xokk u dieqa għall-mewta traġika tal-preżentatriċi Caroline Flack

Ir-Renju Unit jinsab maħsud bil-mewt tal-personalità popolari Caroline Flack – magħrufa fost oħrajn bħala l-preżentatriċi tal-programm Love Island – li nstabet mejta fl-appartament tagħha f’Londra.

L-avukat tal-familja ta’ Flack qal li l-preżentatriċi ‘neħħet ħajjitha’ waqt li fl-aħħar sigħat il-kumpanija li kienet qed tieħu ħsieb il-karriera tagħha żvelat li din il-mara ta’ 40 sena kienet qed tgħix l-aħħar sigħat ta’ ħajjitha ‘taħt pressjoni kbira’. Dan wara li Flack kienet akkużata b’li ħebbet għas-sieħeb Lewis Burton, bl-intenzjoni li tagħmillu sfreġju.

Caroline Flack ċaħdet l-akkuża u minkejja li rranġat id-differenzi ma’ Burton hi kellha xorta waħda tkun suġġetta għal proċess tal-qorti li suppost kellu jsir ix-xahar id-dieħel.

Il-management company ta’ Flack, intant, ikkritika lill-prosekuturi talli huma, allegatament,  ippruvaw jagħmlu ‘spettaklu’ mill-proċess u minkejja li Lewis Burton iddikjara ċar u tond li ma kienx favur li l-proċess isir. Il-kundizzjonijiet tal-pledge li ngħata lil Flack kienu jistupulaw li hi – minkejja li kienet irranġat kollox ma’ Lewis – ma setgħetx ikollha kuntatti miegħu qabel il-proċess.

Intant, is-Servizzi tal-Kuruna għall-Prosekuzzjoni ħarġu stqarrija li, ‘f’dawn iċ-ċirkustanzi traġiċi, mhumiex se jikkummentaw dwar l-elementi speċifiċi tal-każ ( ta’ Flack) f’dan l-istadju’.

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ ismijiet ċelebri mid-dinja tal-ispettaklu raddew ġieħ lil Caroline Flack waqt li esprimew ix-xokk u n-niket tagħhom għall-aħbar ta’ mewtha.

Fl-istess ħin, il-psikoloġisti li ħadmu mal-kuntestanti fuq programmi bħal Love Island qalu li ‘filwaqt li r-rabja hi konsegwenza naturali wara l-mewta ta’ xi ħadd f’ċirkustanzi traġiċi, in-nies ma jridux jispekulaw dwar  x’seta’ kellha f’moħħha Caroline Flack fl-aħħar żmenijiet ta’ ħajjitha’.