Lokali

Il-prijorità tal-PN hi li jkollna Korp li tassew ikun it-tarka tal-poplu Malti

“Il-fiducja fil-Korp tal-Pulizija qed titnawwar b’mod irreparabbli b’detrimenti għall-pulizija onesti, bis-sistema ta’ impunità li daħħal il-Gvern Laburista li wasslet għal nuqqas kbir ta’ dixxiplina fil-Korp li minnha qegħdin ibatu n-nies.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika f’Ħaż-Żabbar.

Dr Delia sellem lill-membri onesti tal-Korp li jagħmlu xogħolhom b’dedikazzjoni kuljum u li jirriskjaw ħajjithom biex jiddefendu lin-nies. Meta Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu bidliet fil-Korp, dawn issarfu f’Korp tal-Pulizija iżjed effiċjenti, serju u stmat għax ma sarx bħalma għamel il-Gvern Laburista li daħħal nies b’kondotta kriminali u li biddel sitt Kummissarji f’sitt snin filwaqt li daħħlet il-kultura tal-impunità.

Huwa qal li l-Ministru Michael Farrugia jrid iġorr ir-responsabbiltà politika, speċjalment meta ammetta li hu kien responsabbli meta kien Ministru għall-Intern u li kien hemm sistemi ħżiena, fejn pulizija li kellhom jiġġieldu l-kriminalità kienu l-kriminali huma stess. Dr Delia qal li minn dak li qed jirriżulta, l-Prim Ministru Robert Abela kien ilu jaf b’dan kollu iżda lil Michael Farrugia tah Ministeru ieħor u staqsa x’għandu differenti Michael Farrugia minn Justyne Caruana, li magħha Robert Abela mexa mod ieħor.

Adrian Delia qal li l-istess Ministri tal-Gvern huma responsabbli għas-serq ta’ miljuni ta’ ewro fis-sena mill-flus tan-nies għal kumpaniji barranin, bħas-settur tas-saħħa fejn kuljum mill-but tal-familji qegħdin inħallsuhom għalxejn. Huwa qal li għaddew ġimgħat minn mindu l-Prim Ministru Robert Abela qal li qed jistudja il-kuntratt tal-Vitals, li l-Oppożizzjoni diġà għamlitha ċara li ma taqbilx mal-bord biex jiflu dan il-kuntratt, għax hemm nies li suppost  kellhom jieħdu ħsieb l-interess nazzjonali u jassiguraw li l-isptarijiet ma jingħatawx bix-xejn lill-privat iżda minflok naqsu milli jagħmlu xogħolhom meta ġie ffirmat il-kuntratt. Huwa wiegħed li se jibqa’ jissielet fil-Qorti biex it-tliet sptarijiet jerġgħu jingħataw lura lill-poplu.

Adrian Delia qal li l-International Monetary Fund (IMF) ħareġ ir-rapport annwali li jagħmel twissija serja lill-Gvern u fakkar fin-nuqqasijiet li ġew identifikati fir-rapport tal-Moneyval, li jekk ma jiġux indirizzati u rranġati, pajjiżna se jiffaċċja problemi serji. L-IMF jgħid ukoll li l-infrastruttura qed tikkrolla taħt il-pressjoni tal-popolazzjoni li dejjem qed tiżdied u li qed twassal għal żieda fil-prezzijiet. Huwa qal li dan kien ukoll messaġġ li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista issa ilha tisħaq fuqu. Għall-Ministru Edward Scicluna dawn id-diffikultajiet jissolvew biċ-ċekk ta’ €15 li bagħat fid-djar, meta Konrad Mizzi li kieku ma nqabadx kien se jaqla’ l-eluf mill-Awtorità tat-Turiżmu u Robert Abela kien se jagħmlu rappreżentant ta’ pajjiżna fl-OSCE minflok ra li jiġi investigat.

Dr Delia qal li minbarra l-IMF, delegazzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa wkoll ċanfret lill-Gvern għall-mod kif ilu jkaxkar saqajh fir-riformi tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela flok ra li l-Ministru Owen Bonnici jġorr ir-responsabbiltà tal-kollass tas-saltna tad-dritt minflok għamlu Ministru għall-Edukazzjoni. Huwa qal li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandux jaħli iżjed ħin biex isiru r-riformi u dan meta l-Oppożizzjoni diġà uriet it-triq li hemm bżonn li jsir fil-15-il proposta li ressqet.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia feraħ lil Francis Zammit Dimech u lil Censu Galea għall-inkarigi li daħlu għalihom bħala Segretarju Generali u President tal-Kunsill Ġenerali rispettivament, f’dan il-mumenti ta’ tiġdid u riformi li jinsab għaddej minnhom il-Partit Nazzjonalista bħalissa. Huwa qal li se nkunu qegħdin inbidlu l-PN, li din is-sena jagħlaq 140 sena, biex nassiguraw li jerġa’ jkun il-forza politika li tmexxi ‘l quddiem l-interess tal-pajjiż u tal-poplu.