Internazzjonali

Storm Dennis fir-Renju Unit: Jiem iddominati mill-għargħar, ix-xita u l-irwiefen

Ir-Renju Unit, fi tmiem il-ġimgħa, ġarrab l-impatt ta’ maltempata ta’qilla rari u li ngħatat l-isem ‘Storm Dennis’. Dan waqt li l-pajjiż, fl-aħħar sigħat, kien assedjat minn ħalbiet tax-xita qawwija u rwiefen kbar – b’aktar minn 300 twissija dwar għargħar jibqgħu effettivi madwar ir-Renju Unit filwaqt li baqgħu telgħin il-livelli tax-xmajjar.

L-iskwadri għall-emerġenzi kellhom joħorġu biex isalvaw numru ta’ nies li spiċċaw f’sitwazzjonijiet diffiċli b’kaġun tal-maltemp fin-naħa t’isfel ta’ Wales. Dan waqt li l-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ l-ewwel allert massimu (kodiċi ‘aħmar’) dwar il-periklu għall-ħajja mill-elementi għal dik iz-zona partikulari mill-2015.

Numru ta’ residenzi mtlew bl-għargħar f’Herefordshire, bir-residenti fl-inħawi jirrakkuntaw kif il-maltemp laqathom ‘bl-istess qilla ta’ tornado’.

Intant, numru kbir ta’ titjiriet – lejn l-ajruporti ta’ Gatwick u Heathrow u lura — kellhom jitħassru inkella spiċċaw posposti minħabba l-maltemp.

Kien hemm talanqas erba’ severe flood warnings għall-Ingilterra u tnejn għal Wales u li lkoll jindikaw periklu (mill-maltemp) għall-ħajja. Kien hemm anki numru ta’ twissijiet fl-Iskozja fejn żewġ persuni kellhom ikunu salvati wara li l-karozza li kienu fiha nġarret mill-għargħar viċin Newcastleton.

Intant, it-twissija għan-naħa t’isfel ta’ Wales tneħħiet ftit taż-żmien ilu u wara li r-residenti kienu mwissija biex ‘jieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex jevitaw il-periklu ta’ Storm Dennis’ u biex ma jivvjaġġawx ħlief f’sitwazzjonijiet fejn dan ikun assolutament neċessarju,

L-irwiefen madwar ir-Renju Unit fi tmiem il-ġimgħa laħqu massimu ta’ 91 mil fis-siegħa, bl-inżul tax-xita jkun ikkalkulat mal-142 millimetru.

Is-Segretarju għat-Trasport Britanniku, Grant Shapps, qal li l-Gvern tiegħu qed ‘iżid ir-reazzjoni’ għall-effetti tal-maltemp rari u fejn qed ikunu investiti l-biljun ta’ Sterlini għall-ilqugħ u mezzi ta’ difiża oħrajn biex jimminimizzaw l-effetti tal-elementi li qegħdin isiru ‘aktar straordinarji’.

Intant, l-Aġenzija għall-Ambjent f’York bassret li x-Xmara Ouse setgħet titla’ għall-istess livelli rekord bħalma kienu reġistrati fl-2000.

Nhar is-Sibt, is-servizzi għall-emerġenzi tellgħu l-katavru ta’ raġel mill-baħar ‘il hinn mill-kosta ta’ Kent. Ma kienx magħruf kif ir-raġel spiċċa fil-baħar u l-kawża tal-mewt ma kenitx qed tkun trattata bħala ‘suspettuża’. Sigħat wara, instab il-katavru ieħor ta’ raġel wara tfittxija twila għal raġel li waqa’ minn fuq tanker tal-fuel għal ġol-baħar ‘il hinn mill-kosta ta’ Margate.