Lokali Qorti

18-il sena ħabs wara li aggredixxa mara f’San Ġiljan

Ġie kundannat 18-il sena ħabs ir-raġel li attakka tfajla ta’ 25 sena f’San Ġiljan erba’ snin ilu waqt li prova jisraqha.

Rawad Briga Abdelsalam, ħaddiem Libjan ta’ 33 sena, instab ħati ta’ attentat ta’ qtil; każ li kien seħħ fi Sqaq Lourdes fit-28 t’Awwissu 2016. L-aggressur kien ġie identifikat minn filmati ta’ CCTV.

Il-Libjan kien ipprova jattakka lill-mara wara li avviċina lilha u lill-ħabiba tagħha, Pollakka ta’ 33 sena, biex jippruva jisraq il-basktijiet tagħhom.

Matul il-proċeduri ta’ kumpilazzjoni, l-akkużat kien iddikjara li ma ftakar xejn dwar l-azzjonijiet tiegħu peress li kien aġixxa taħt l-influwenza ta’ “mediċini”, u hu kien raqad għal ġimgħa sħiħa.

Apparti l-kundanna ta’ priġunerija, il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha kkundannat lill-akkużat iħallas €7,282 bħala spejjeż tal-esperti.

L-Ispettur Saviour Baldacchino mexxa l-kumpilazzjoni tal-każ.

L-avukat Marc Sant deher bħala avukat tal-għajnuna legali għal-Libjan.

Il-Qorti kienet preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti.